Assassinju Daphne: Il-Qorti tippermetti liċ-Ċiniż jappella digriet

Read in English.

George Degiorgio, wieħed mill-akkużati bl-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia ngħata l-permess li jappella digriet tal-Qorti. Dan wara li l-Qorti rrifjutat it-talba tiegħu biex jiġu sospiżi l-proċedimenti kriminali kontrih.

Hu qed jikkontesta evidenza li hemm kontrih li ġiet permezz ta’ għodod investigattivi ta’ smigħ ta’ konverżazzjonijiet fuq it-telefon.

Aqra: Assassinju Daphne: Titħabbar id-data tas-smigħ qabel il-ġuri

Hu kien talab il-Prim Awla tal-Qorti Ċivili sabiex tissospendi l-oġġezzjonijiet preliminari tas-smigħ ta’ qabel il-ġuri skedat għal għada. Hu qed jgħid li dan għandu jsir sabiex tilħaq toħroġ is-sentenza f’każ kostituzzjonali separat li jisfida l-validità ta’ liġijiet dwar is-smigħ ta’ konverżazzjonijiet privati fuq it-telefon minn terzi persuni.

Aqra: Assassinju Daphne: George Degiorgio b’ultimatum ta’ 24 siegħa għar-recordings

Fit-22 ta’ Ottubru, Degiorgio magħruf bħala ċ-Ċiniż, ta lill-awtoritajiet 24 siegħa biex dawn jeżebixxu recordings li allegatament saru tat-telefonati tiegħu. Intqal li dawn ir-recordings wasslu għall-arrest ta’ Degiorgio. L-avukat tad-difiża, William Cuschieri kien qal li minkejja l-obligu tal-awtoritajiet biex jiżvelaw din l-evidenza, s’issa d-difiża ma rċevietx la recordings, la transcripts, u lanqas il-mandat biex ikunu jistgħu jsiru r-recordings.