Il-Qorti ma aċċettatx it-talba ta’ wieħed mit-tliet irġiel akkużati bil-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia li ma riedx li l-FBI tagħti x-xhieda tagħha fil-kumpilazzjoni tax-xhieda li se tkompli għada.
Fis-sentenza tagħha, il-Qorti qalet li t-talba kienet waħda "fiergħa u vessatorja". Qalet ukoll li kienet waħda mġebbda u nieqsa mis-serjetà.
Skont il-Qorti rriżulta li l-ilment ta' Alfred Degiorgio mhuwiex dwar xi ħsara li jista' jsofri fil-kumpilazzjoni imma dwar ir-rappurtaġġ tal-midja.
Degiorgio qal li jekk l-investigaturi tal-FBI jitħallew jixhdu "jkun tard wisq għal rimedju minħabba r-rappurtaġġ tal-każ mill-midja."
Fi kliem il-Qorti, it-talba tar-rikorrent għall-ħruġ ta' din il-miżura proviżorja hija abbuż ta' proċedura bl-għan li l-proċeduri jitwalu inutilment.
L-avukati tat-tliet irġiel akkużati bil-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia kienu talbu lill-Qorti biex jipposponu l-kumpilazzjoni tax-xhieda mill-esperti tal-FBI għax jista’ jkun li x-xhieda tagħhom tiġi nvalidata.
L-avukati ta’ Alfred Degiorgio, magħruf bħala “Il-Fulu”, kienu talbu biex l-espert tal-qorti fil-qasam tal-IT u t-telefonija jitneħħa u ma jibqax iservi lill-Maġiastrat fil-każ tal-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.
BREAKING: Court throws out request by Alfred Degiorgio to stop #FBI from testifying in #DaphneCaruanaGalizia murder case, dubs it frivolous and vexatious. @AzzopardiJason @ComodiniCachia @TheTimesofMalta @IndependentMlt @maltatoday @netnewsmalta @The_Shift_News @Newsbook_com_mt
— Karol Aquilina (@KarolAquilina) May 21, 2018
Ritratt: Reuters