Assassinju Daphne: “Il-Pulizija u l-AĠ qishom ma jridux jipproċedu” – PD

Il-Partit Demokratiku saħaq li hu tal-mistħija li l-Pulizija u l-Avukat Ġenerali jidhru li qishom ma jridux jew ma jistgħux isibu u jipproċedu kontra minn ordna l-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.

Fi stqarrija, il-Partit Demokratiku staqsa wkoll għaliex il-Gvern, fi kliemu jidher li m’għandux ir-rieda li jsolvi l-assassinju tal-ġurnalista.

L-istess partit kompla jgħid li ntilef aktar żmien prezzjuż meta ġie appellat u mitluf, il-każ fil-Qorti, li kellhom jagħmlu l-familja Caruana Galizia, dwar pulizija ewleni miżżewweġ Ministru, li kien qed imexxi l-investigazzjoni.

Il-Partit Demokratiku stqarr li se jibqa’ juri l-appoġġ tiegħu mas-soċjetà ċivili, li fi kliemu b’responsabbiltà kbira qed tkun punt ta’ riferenza fl-għajta għall-ġustizzja, li mhux biss trid issir, imma trid tidher li qed issir.

Filwaqt li tenna s-sogħba għat-telfa traġika ta’ Caruana Galizia u kkundanna bil-qawwa l-assassinju tagħha, irrimarka li l-paċi f’Malta tibqa’ kważi impossibbli sakemm issir ġustizzja ta’ veru.