Assassinju Daphne: Il-Pulizija siekta imma Newsbook jivverifika li kien hemm min ‘beżaq’

Il-Pulizija ma weġbitx għall-mistoqsijiet ta’ Newsbook.com.mt dwar jekk il-Korp issuspettax li t-tliet akkużati bl-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia ġewx avżati bl-arrest tagħhom qabel ma sar ir-rejd. Madanakollu, Newsbook.com.mt ivverifika indipendentament li l-Pulizija kellhom suspett li kien hemm xi ħadd li ‘beżaq’ l-informazzjoni u kixef lill-kollegi tiegħu.
Minn informazzjoni li għandu Newsbook.com.mt jidher li f’minn tal-inqas f’waħda mill-interrogazzjoni mal-akkużati, il-Pulizija staqsew jekk kinux mgħarrfa qabel bir-rejd, iżda l-akkużati baqgħu b’ħalqhom magħluq.
Kien fil-lejl ta’ bejn it-Tnejn u t-Tlieta li għadda, li l-Korp tal-Pulizija bagħat stqarrija b’reazzjoni għad-diskors tad-deputat Jason Azzopardi fil-Parlament, fejn semma li s-Surġent Aldo Cassar informa lill-akkużati li kien se jsir ir-rejd.
L-istqarrija tal-Pulizija tikkonferma li ttieħdu passi kontra Cassar, iżda tispeċifika li mhux dwar dan il-każ.
Madanakollu għat-tieni mistoqsija, dwar x’kien il-każ li fuqu l-Pulizija ħadet azzjoni, meta seħħ u x’passi ttieħdu, il-Pulizija ma weġbitx.
Dawn huma l-mistoqsijiet li Newsbook.com.mt bagħat lill-Pulizija, li sal-ħin tal-pubblikazzjoni baqgħu ma ġewx imwieġba. Dan is-sit irċieva biss li t-talba għat-tweġibiet qed tiġi proċessata.