Assassinju Daphne: “Il-Pulizija Maltija waħedha ma kinitx tasal” – Espert forensiku

Dr Anthony Abela Medici, li ħadem bħala espert forensiku għal 31 sena, filwaqt li faħħar il-mod kif saret l-investigazzjoni fil-każ tal-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia, saħaq li kieku ma kinux l-investigaturi barranin, kien hemm possibilità li l-Pulizija Maltija, bix-xogħol tagħha biss, ma kinitx tasal biex tidentifika minn wettaq l-assassinju.
F’intervista ma’ Newsbook.com.mt, Dr Abela Medici rrimarka li din “turi li l-Pulizija Maltija għandha problema kbira fil-kwalità ta’ esperti li għandna bħalissa fil-Qorti”.
Staqsa għaliex f’omiċidji oħra u splużjonijiet f’karozzi tal-aħħar sentejn, ma kien hemm l-ebda żvilupp.
Abela Medici kompla jgħid li din għandha sservi ta’ tagħlima għall-Qorti Maltija meta tiġi biex tagħżel l-esperti tagħha.
Kompla jgħid li hemm bżonn “narmaw sewwa” u biex espert ma jiġix imqabbad għax hu “ħabib ta’ dak jew tal-ieħor.”
Spjega kif fi żmien meta hu kien jaħdem fil-laboratorju forensiku tal-Pulizija, kien hemm mal-50 persuna. Dan kien ġie trasferit għall-Malta National Laboratory u fi kliemu wassal biex il-laboratorju forensiku qala’ daqqa ta’ ħarta.
Fl-istess intervista, l-espert forensiku qal ukoll li min bagħat lill-akkużati biex iwettqu l-assassinju, jista’ jiġi traċċat. Fi kliemu kull kuntatt, kemm fiżiku, elettroniku u viżwali jħalli traċċa.