Assassinju Daphne: Il-Pulizija ma tikkummentax dwar talba għal investigazzjoni internazzjonali

Read in English.

Il-Pulizija ma weġbitx dwar is-sejħa li saret biex titwaqqaf investigazzjoni internazzjonali b’rabta mal-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.

Illum 11-il għaqda favur il-midja ħielsa talbu lill-Avukat Ġenerali biex jitlob lill-Europol biex issir l-hekk imsejħa joint investigation team (JIT). JIT hija għodda internazzjonali li tiffaċilità investigazzjoni speċifika f’għadd ta’ pajjiżi. Il-ftehim isir bejn il-prosekuturi u l-pulizija bejn żewġ pajjiżi jew aktar għal perjodu limitat.

L-għaqdiet barranin qalu li l-involviment tal-Europol jaf iwassal għal aktar suċċessi fl-investigazzjoni fil-qtil ta’ Caruana Galziia.

Fi stqarrija ta’ 5 linji l-Pulizija qalet li l-Europol għadha involuta fl-investigazzjoni li għadha għaddejja. Madanakollu, il-Pulizija ma kkummentatx dwar it-talba speċifika li saret biex jitwaqqaf JIT.

Il-Europol tiddeskrivi l-JITs bħala għodda effiċjenti fil-ġlieda kontra l-kriminalità.

Ir-Rapporteur għall-Kunsill tal-Ewropa dwar l-assassinju qal li s-suġġeriment tal-għaqdiet hija waħda ta’ valur. Pieter Omtzigt qal dan fuq Twitter.

Fuq Facebook, Matthew Caruana Galizia qal li l-unika mod għall-kooperazzjoni huwa jekk l-Avukat Ġenerali ta’ Malta jitlob lill-Europol biex tibda JIT.

“Hemm raġuni waħda biss għalfejn ma jkunx irid jagħmel hekk: biex ikompli jipproteġi lil Keith Schembri, Konrad Mizzi u n-nies l-oħra li kkonfoffaw ma’ Yorgen Fenech,” qal it-tifel tal-ġurnalista asssassinata.

More government disinformation: the police are saying that a group of press freedom organisations called for the support…

Posted by Matthew Caruana Galizia on Tuesday, May 5, 2020

L-MEP Nazzjonalista David Casa ħabbar li huwa favur it-talba tal-għaqdiet.

Intant il-familja tal-ġurnalista kitbet lill-kumpanija Siemens AG fejn talbitha tiddikjara x’għarfien għandha dwar ħasil ta’ flus u kickbacks fil-ftehim tal-Electrogas Malta.