Assassinju Daphne: Il-PM jirrakkomanda maħfra presidenzjali

Luke Zerafa

Il-Prim Ministru Joseph Muscat ħabbar li ffirma ittra li tirrakkomanda l-maħfra presidenzjali għas-sensar tal-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia .

Hu kien qed iwieġeb il-mistoqsijiet tal-ġurnalisti f’Kastilja. Dalgħodu ġie żvelat li nhar il-Ħamis il-pulizija Maltija arrestat raġel li qed jitqies bħala s-sensar (middleman) bejn il-mandant tal-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia u l-persuni li attwalment qiegħdu u splodew il-bomba li qatlitha.

Aqra: Assassinju Daphne: Pass ieħor biex jinqabad il-mandant

Muscat spjega li l-Ħamis li għadda l-Pulizija għamlet ħidma koordinata flimkien mal-interpol fejn ġiet arrestata persuna b’rabta ma’ każijiet tal-ħasil tal-flus. Intant meta kienet qed tiġi interrogata mill-Pulizija, l-persuna wriet l-intenzjoni li tista’ tikkollabora u li setgħet kellha f’idejha evidenza biex tikkorrabora x-xhieda li kellha tagħti.

Il-PM spjega li l-persuna talbet li tingħata l-maħfra presidenzjali tal-każijiet kollha li seta’ qatt kellha biex imbagħad tkun tista’ titkellem mal-pulizija. Qal li malli sar jaf b’din it-talba tkellem mal-investigaturi u anke mal-Avukat Ġenerali u qablu li wieħed ma jistax jagħti maħfra assoluta mingħajr ma jkun jaf żgur il-każijiet li fihom kienet involuta il-persuna u x’xhieda lesta li tagħti.

Ir-raġel, li skont sorsi ġie deskritt bħala “xufier ta’ taxi b’rabtiet ma’ logħob tal-azzard, ġie arrestat nhar il-Ħamis li għadda, waqt rejd li fil-mira tiegħu kien hemm ċirku ta’ ħasil ta’ flus, li hu stess jifforma parti minnu.

“Nassumi r-responsabbiltà kollha”

Muscat sostna li ta l-mandat lill-Avukat Ġenerali biex jittieħdu l-passi neċessarji bla preċedent. Qal li ffirma ittra li permezz tagħha ta l-assigurazzjoni li ladarba l-persuna tiżvela l-informazzjoni kollha li għandha u tagħti l-provi tagħha li mbagħad ikunu jistgħu jiġu kkorroborati fil-Qorti, hu se jkun qed jirrakkomanda li tingħata maħfra presidenzjali. Qal li dan bil-patt u l-kundizzjoni li l-persuna tikkorabora wkoll fil-każijiet l-oħra kollha li jista’ jkollha.

Qal li d-deċiżjoni ħadha waħdu u mhux se tkun suġġetta għad-diskussjoni fil-kabinett. Qal li jemmen li hija deċiżjoni li għandu jerfa’ waħdu. Intant appella lill-mezzi tax-xandir sabiex iżommu l-prudenza hekk kif il-każ mhux magħluq.

“Protezzjoni stretta ħafna għall-persuna involuta”

Il-Prim Ministru qal ukoll li bħalissa l-persuna inkwistjoni tinsab taħt protezzjoni stretta ħafna. Qal li l-Gvern għamel dak kollu li kellu jagħmel.

“L-istat għandu jagħmel użu mill-mezzi kollha disponibbli”  – Delia

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia saħaq li l-istat għandu jagħmel użu mill-mezzi kollha disponibbli skont il-liġi, biex jinqabad min ordna l-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia.  Fi stqarrija, Dr Delia, li huwa wkoll il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Ġustizzja u Governanza tajba,  stqar li dawn il-mezzi jinkludu dawk ta’ natura eċċezzjonali u fakoltattivi sabiex jinqabad min ordna, iffinanzja u eżegwixxa l-assassinju.

Stqarr li l-PN irodd ħajr u jwassal messaġġ ta’ kuraġġ lill-membri tal-ġudikatura u investigaturi kollha involuti fil-proċess biex issir ġustizzja mal-ġurnalista, mal-familja tagħha u mal-ġurnalisti kollha li fi kliemu jipperikolaw ħajjithom fit-tfittxija għall-verità.

Aċċettaw l-għajnuna tal-USA – PD

F’reazzjoni għall-aħħar żviluppi l-Partit Demokratiku (PD) tenna l-appell tiegħu biex il-Gvern Malti jaċċetta l-għajnuna li offriet l-Istati Uniti.

Il-PD qal ukoll li l-prezz ta’ maħfra presidenzjali hija li toħroġ il-verità sħiħa. Temm jgħid li jrid lil Malta teqred lill-Mafja darba għal dejjem.