Assassinju Daphne: Il-PM isikket; Ministru jitkellem mal-midja Taljana

Miguela Xuereb

Id-deputat Nazzjonalista Mario Galea qal fil-Parlament li hu ironiku kif min-naħa waħda l-Prim Ministru jgħid li kull kelma li tingħad dwar il-kwistjoni tal-ġurnalista assassinata Daphne Caruana Galizia hija żejda, u fl-istess ħin il-Ministru għall-Intern, li suppost mhux midħla tal-inkjesta, jagħmel stqarrija mal-midja Taljana dwar l-aħħar żviluppi tal-każ.

Wara l-ħin tal-mistoqsijiet, il-Prim Ministru qal li ma kellu l-ebda stqarrija x’jagħmel dwar il-każ tal-qtil ta’ Caruana Galizia u appella biex kulħadd iħalli lill-istituzzjonijiet jaħdmu f’dan il-pajjiż. Hu spjega li l-istituzzjonijiet jaħdmu b’mod awtonomu mill-Gvern u ma jirrappurtawx lilu. F’punt minnhom, qal,“Ismagħni onorevoli Fenech Adami. Isma’ minni. Dawn jaħdmu b’mod awtonomu u ma rrappurtawx lill-Gvern. Ejja nħalluhom jaħdmu b’serenità. F’din il-kwsitjoni kull kelma hija żejda. Isma’ minni.”