Assassinju Daphne: Il-pittura turi “l-ħtija kollettiva tagħna lkoll” 

Read in English.

L-artista Debbie Caruana Dingli qalet li l-pittura li għamlet eżatt wara l-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia, turi “l-ħtija kollettiva tagħna lkoll”. Hi kienet waħda minn dawk li tkellmu llejla waqt it-tmien velja li fiha ġie mfakkar l-assassinju tal-ġurnalista investigattiva.

Hi saħqet li l-ħtija mhix fl-aġenda ta’ dawk li suppost jipproteġuna u ħadd m’għadu jerfa’ r-responsabbilità.

Il-pittura lil Daphne Caruana Galizia għaddejja taħdem filwaqt li tagħti x’tifhem li din kienet waħidha speċjalment lejn l-aħħar ta’ ħajitha. Caruana Dingli saħqet li “missna rajna l-assassinju ġej”, hekk kif fi kliemha l-Gvern tbiddel f’reġim.

Ben Dalli, student fi Glasgow u kittieb ta’ The Shift News, qal li Daphne Caruana Galizia kienet ir-realtà skomda, u sfat assassinata minħabba li ndaħlet fin-narrattivi li kienu jiġu kreati b’reqqa kbira. Dalli qal li jsib il-fatt li l-Gvern ma waqafx jattakka l-memorja ta’ Caruana Galizia bħal wieħed disturbanti. Huwa wkoll saħaq li l-assassinju ta’ Caruana Galizia huwa ta’ theddida diretta fuq d-drittijiet umani ta’ kulħadd hekk kif Silvio Valletta tneħħa mill-investigazzjoni wara biss 8 xhur, filwaqt li l-protezzjoni ta’ Efimova ma setgħetx tiġi assigurata minn Malta. Huwa saħaq li l-battalja ta’ Caruana Galizia issa saret tan-nies. Dan kien il-messaġġ li dewa fid-diskorsi l-oħra.

Alex Hili mill-għaqda Awturi tkellem dwar dawk li ddeskriva bħala ‘rebħiet żgħar’, u semma l-fatt li l-Whistleblower tal-Bank Pilatus, Maria Efimova, mhux se tinbgħat lura Malta hekk kif intilef l-appell. Filwaqt li kompla jelenka lista li fi kliemu huma ‘atroċitajiet’; fosthom il-veranda li bniet minn ħaddiema tal-Gvern fir-residenza privata tal-Ministru fil-leġiżlatura li għaddiet. Huwa ħeġġeġ li dawk preżenti jkomplu jiġġieldu.

L-istorika tal-arti Martina Caruana qalet li bħalma l-pjazza tfakkar l-assedju l-kbir, “qed ngħixu fi żmien fejn qed nesperjenzaw assedju ieħor ibbażat fuq l-egoiżmu, l-indifferenza u l-qerq. Hi elenkat numru ta’ oqsma fejn is-soċjetà Maltija qed tiġi attakkata, fosthom, id-demokrazija, id-drittijiet, il-libertajiet b’mod speċjali l-libertà tal-espressjoni u l-ambjent, fost oħrajn.

Meghan Mallia, in-neputija ta’ Daphne Caruana Galizia, tkellmet waqt il-velja. Fid-diskors tagħha Meghan qalet li vuċi waħda tista’ toħloq terremoti bħalma kienet għamlet il-vuċi ta’ Daphne. Hi saħqet li wieħed għandu jiftakar li meta jaqbdu miegħu, jikkritikawh jew jgħidulu li hu negattiv, ma jkunx hu fil-ħażin, imma “jkunu jriduk tingħaqad magħhom biex tkun kompliċi”.