​Assassinju Daphne: Il-PE mħasseb dwar in-nuqqas ta’ progress fl-investigazzjoni

Il-Parlament Ewropew huwa mħasseb dwar in-nuqqas ta’ progress fl-investigazzjoni tal-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.
Fi stqarrija maħruġa mill-Kumitat tal-Libertajiet Ċivili fi ħdan il-Parlament Ewropew (PE) intqal li l-PE għandu l-istess tħassib dwar l-investigazzjoni li qed issir b'rabta mal-qtil tal-ġurnalist Slovakk Jan Kuciak.
“Il-PE huwa mħasseb dwar in-nuqqas ta’ progress fiż-żewġ investigazzjonijiet, allegazzjonijiet ripetuti tal-intimidazzjoni u l-fastisdju tal-ġurnalisti, u allegazzjonijiet ta’ korruzzjoni u frodi.”
Il-Kumitat qal li se jkompli jsegwi s-sitwazzjoni tar-rispett lejn il-liġijiet fl-Unjoni Ewropea (UE). Fost it-temi prinċipali se jkun hemm l-korruzzjoni u l-ħelsien tal-midja.
Il-Kumitat waqqaf grupp ġdid, ROLMG, biex jistħarreġ dwar dan. Iċ-Ċerpersin se tkun Sophia in’t Veld mill-partit ALDE. Il-membri l-oħra huma l-MPE Nazzjonalista Roberta Metsola, Josef Weidenholzer (S&D),  Judith Sargentini (mill-Ħodor) and Laura Ferrara (EFDD). Għadhom iridu jsiru aktar nominazzjonijiet.
Il-Kumitat se jkompli fuq ix-xogħol li diġà sar meta delegazzjoni tal-PE ġiet tinvestiga s-sitwazzjoni f’Malta.  Hemm il-possibilità li jsiru laqgħat, missjonijiet ġodda, u reżoluzzjoni finali. Il-mandat tar-ROLMG se jkun sal-31 ta’ Diċembru.