Assassinju Daphne: “M’hemmx bżonn iktar passi” – Kumitat tal-Ministri

Il-Kumitat tal-Ministri fi ħdan il-Kunsill tal-Ewropa qal li ma jarax għalfejn għandhom jittieħdu passi ulterjuri fil-każ tal-ġurnalista assassinata Daphne Caruana Galizia.
Il-Kumitat kien qed iwieġeb għall-mistoqsija li Membru Parlamentari Olandiż, Pieter Omtzigt, kien għamel f’Jannar li għadda.
F’intervista fuq il-programm Newsline fuq RTK, Pieter Omtzigt kien qal li qed jitlob lill-Kunsill tal-Ewropa biex jgħid jekk jaħsibx li l-investigazzjoni fil-każ tal-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia hux qed issir sew u jekk jemmnux li hemm protezzjoni tajba biżżejjed lill-whistleblowers li b’xi mod huma marbuta mal-każ.
Fir-risposta tagħhom, il-membri tal-Kumitat tal-Ministri, li tiegħu il-Ministru Malti għall-Affarijiet Barranin Carmelo Abela hu membru, qalu li huma “kunfidenti li l-awtoritajiet Maltin se jkomplu jagħmlu użu tajjeb mill-mezzi u l-mekkaniżmi li jeżisti kemm fuq livell tal-Kunsill tal-Ewropa u anki fuq livell domestiku b’rispett sħiħ lejn il-valuri fundamentali u l-istandards tal-Kunsill tal-Ewropa”.
Jgħidu wkoll li d-delegazzjoni Maltija pprovdiet informazzjoni darbtejn dwar x’passi ttieħdu mill-awtoritajiet Maltin dwar il-każ u “dwar ir-riżultati miksuba f’dan l-istadju”.
Il-kelliem għall-Gvern irreġixxa fuq Twitter u kkonferma li ma ttieħdux aktar passi mill-Kunsill tal-Ewropa fil-konfront ta’ Malta.

https://platform.twitter.com/widgets.js

Tista' taqra r-risposta sħiħa tal-Kumitat tal-Ministri hawnhekk: