Assassinju Daphne: Il-Kunsill tal-Ewropa jikkritika l-inkjesta pubblika

Read in English.

Il-Kunsill tal-Ewropa kkritika b’mod aħrax l-inkjesta pubblika ordnata fl-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia. Dan għaliex mhux qed tilħaq l-aspettattivi tal-Kunsill.

Il-Kumitat għal-Affarijiet Legali u d-Drittijiet Umani tal-Kunsill tal-Ewropa ddeskriva bħala “essenzjali” li l-inkjesta ordnata mill-Gvern Malti fl-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia, tinvestiga l-potenzjal li persuni politiċi setgħu kkontribwixxew għall-eventwalità tal-assassinju. Id-dokument maħruġ mill-Kumitat jgħid li l-inkjesta għandha tinvestiga jekk attivitajiet politiċi u persuni li jokkupaw karigi pubbliċi setgħux ikkontribwixxew għal klima ta’ impunità u atmosfera ta’ ostilità lejn il-ġurnalisti bħal Caruana Galizia. Jgħid ukoll li l-investigazzjoni trid tara jekk dan l-aġir affettwax ukoll l-investigazzjonijiet fl-assassinju.

Din il-pożizzjoni tal-Kunsill ħarġet wara rakkomandazzjonijiet li għamel ir-rapporteur Pieter Omtzigt. Fl-opinjoni ta’ Omtzigt, l-inkjesta kif inhi bħalissa ma tilħaqx l-aspettattivi tal-Assemblea. Il-Kunsill talab li l-Gvern Malti jindirizza dan it-tħassib b’urġenza.

L-inkjesta pubblika ġiet ordnata mill-Gvern Malti wara pressjoni mill-Kunsill tal-Ewropa. Dan wara li l-Prim Ministru Joseph Muscat iddikjara li ma kienx hemm bżonn għal inkjesta sekondarja.

X’inhuma l-osservazzjonijiet ta’ Omtzigt?

Fl-osservazzjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet tiegħu, Omtzigt innota li:

  • Filwaqt li l-mandat tal-inkjesta jidher li huwa mifuħ, jista’ jkun limitat minn deskrizzjoni dettaljata tar-raġunijiet għala qed issir l-inkjesta. Dawn jiffukaw fuq ‘entitajiet tal-istat’ u ‘l-istat’.
  • Huwa essenzjali li l-inkjesta preżenti tinvestiga jekk l-attivitajiet ta’ persuni politiċi u pubbliċi kkontribwixxew għal klima ġenerali ta’ impunità u atmosfera ostili lejn ġurnalisit bħal Caruana Galizia, jew wasslu għal tbabis fl-investigazzjoni fil-mewt tagħha. Omzigt qal li hemm bżonn trasparenza assoluta fl-inkjesta preżenti sabiex tidher kredibbli u effettiva. Qal li f’ċirkustanzi li l-aċċess tal-pubbliku għall-inkjesta jkun ristrett għandha tingħata raġuni ċara u dettaljata għal dan.
  • Il-kredibilità tal-inkjesta, kiteb Omzigt, tiddependi fuq aktar aċċess għall-pubbliku, inkluż il-proċeduri u l-atti. Hu żied jgħid li l-familja ta’ Caruana Galizia għandha tgawdi minn pożizzjoni privileġġjata, inkluż il-possibilità li tippreżenta mozzjonijiet proċedurali, tistaqsi lix-xhieda u tagħmel is-sottomissjonijiet tagħha.
  • Dwar il-klawżola tal-perjodu li fih trid issir l-inkjesta, Omzigt qal li l-kliem li ntuża jimplika l-possibilità li jkun hemm ittardjar konsiderevoli. Qal li kif inhi, il-klawżola ma tagħtix lok sabiex ikun hemm interim report. L-inkjesta għandha tibda xogħolha mal-ewwel opportunità u għandha tingħata r-riżorsi kollha li għandha bżonn skont Omtzigt.
  • Omtzigt insista li l-kompożizzjoni tal-Bord ta’ Inkjesta għandu jkun tali li titneħħa l-kritika kollha dwar l-indipendenza jew l-imparzjalità tiegħu, jekk il-pubbliku għandu jkun kunfidenti fix-xogħol li qed isir. Qal li minħabba li l-popolazzjoni Maltija hija żgħira, l-inklużjoni ta’ esperti internazzonali jista’ jkun mod ta’ kif jintlaħaq dan l-għan.
  • Omtzigt insista wkoll fuq il-pubblikazzjoni immedjata u sħiħa tar-rapport malli dan jitlesta.

Il-Gvern Malti jirreaġixxi

F’reazzjoni, il-Gvern qal li d-dikjarazzjoni ta’ Omtzigt hija mimlija żbalji elementari. Il-Gvern hawn semma biss eżempju wieħed li huwa li l-kariga għal Kummissarju għall-Organizzazzjonijiet Volontarji hija dipendenti fuq il-Gvern tal-ġurnata.

Aqra r-rapport sħiħ minn hawn.