The Daphne Project: Il-Korp tal-Pulizija jitlob kjarifika urġenti mill-Europol

Il-Korp tal-Pulizija ta’ Malta fi stqarrija talab kjarifika urġenti mill-Europol wara li lbieraħ id-Direttur Eżekuttiv tagħha, Rob Wainwright esprima t-tħassib tiegħu fl-andament tal-investigazzjoni fl-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.
Fi stqarrija l-Pulizija sostniet li tinsab sorpriża li Wainwright qal dak id-diskors fl-ittra lill-Membru Parlamentari Ewropew Ana Gomes. Il-Pulizija nsistiet li qatt ma ġiet infurmata dwar il-bżonn ta’ titjib fl-investigazzjonijiet li hemm għaddejja.
Sostniet li sal-lbieraħ stess, il-Pulizija kienet qed tiddiskuti l-pass li jmiss fl-investigazzjoni.
Filwaqt li talbu l-kajrifikazzjoni ta’ Wainwright, sostnew li l-midja mhux qed tinterpreta b’mod korrett is-sentenza li sostnew li hija waħda “ambigwa”.
Min-naħa l-oħra, il-Pulizija qalet li ma tistax tikkummenta dwar jekk spunti ġodda li ħarġu humiex suġġetti għal investigazzjonijiet akbar u ta’ aktar prijorità.
Il-Korp tal-Pulizija sostna li dejjem fittex l-assistenza tal-Europol u mill-bidu nett żamm relazzjoni miftuħa dwar l-investigazzjonijiet tal-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia.