Assassinju Daphne: Il-Koħħu offrut sentenza mnaqqsa – rapport

Read in English.

Wieħed mill-irġiel akkużati bl-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia ġie offrut sentenza mnaqqsa jekk jiddeċiedi li jixhed dwar l-assassinju. Dan ħareġ f’artiklu ppubblikat fuq il-ġurnal The Sunday Times of Malta.

Newsbook.com.mt jista’ jikkonferma dan indipendentement u jżid li bħalissa qed jittieħdu prekawzjonijiet kbar dwar is-sigurtà ta’ Vince Muscat, magħruf bħala l-Koħħu. Dan għaliex qed jintqies li jekk il-Koħħu jieħu xi forma ta’ proklama, ħajtu tkun meqjusa fil-periklu. Dan ġie wara li fil-31 ta’ Ottubru se jsir smigħ preliminari qabel ma jibda l-ġuri tal-każ kriminali kontra t-tliet akkużati. Is-smigħ se jikkonsidra oġġezzjonijiet min-naħa tal-prosekuzzjoni u tad-difiża. Madankollu l-mandant għadu mhux magħruf, minkejja numru ta’ spekulazzjonijiet. Ix-xhieda ta’ Muscat taf titfa’ dawl ġdid fuq dan l-aspett.

Aqra: Assassinju Daphne: Titħabbar id-data tas-smigħ qabel il-ġuri

F’Diċembru tal-2017, Muscat flimkien ma’ Alfred u George Degiorgio kienu arrestati u tressqu l-Qorti akkużati bl-involviment fil-qtil tal-ġurnalista. Caruana Galizia nqatlet permezz ta’ karozza bomba fis-16 ta’ Ottubru tal-2017. Skont ir-rapport tat-Times of Malta, fl-aħħar xhur Muscat kien qed juri li lest li jagħti xi informazzjoni dwar l-involviment tiegħu fl-assassinju.

Minkejja li l-Gvern ma għandux ħsieb li jitlob għall-maħfra presidenzjali, sorsi tal-ġurnal viċin il-każ ikkonfermaw li hemm xi tip ta’ negozjati li jistgħu jwasslu għal sentenza ridotta jekk jiżvela dak li jaf. L-investigazzjoni issa ilha għaddejja sentejn u sal-lum għadu mhux magħruf min kien il-mandant tal-assassinju.

Aqra: Assassinju Daphne: Negozjant kbir fost suspettati – rapport

Għaldaqstant, il-ġimgħa li għaddiet l-istess ġurnal żvela li negozjant kbir qed jingħad li huwa wieħed fost tliet persuni li qed jiġu suspettati li kienu l-moħħ wara l-assassinju tal-ġurnalista.

Minkejja dan għad ma hemm l-ebda ftehim finalizzat bejn l-Avukat Ġenerali u Muscat. Sorsi tal-ġurnal qalu li l-ewwel talba għat-tnaqqis tas-sentenza ta’ ħabs kienet irrifjutata mill-Avukat Ġenerali. Jidher li issa Muscat ġie offrut sentenza ridotta ta’ 12-il sena, jiġifieri l-inqas numru ta’ snin li wieħed jista’ jeħel meta jinstab ħati bi qtil.

Il-Gvern jordna inkjesta pubblika fl-assassinju

Fl-20 ta’ Settembru, il-Prim Ministru Joseph Muscat ħatar lill-Imħallef Emeritu Michael Mallia biex jippresedi Kummissjoni ta’ Inkjesta Pubblika dwar l-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia. Fi stqarrija il-Gvern qal li l-Kummissjoni se tkun magħmula wkoll mill-eks Dekan tal-Fakultà tal-Liġi u espert Kostituzzjonali l-Professur Ian Refalo u l-espert forensiku Dottor Anthony Abela Medici.

Aqra: Assassinju Daphne: Il-Gvern jaħtar inkjesta pubblika

Il-Gvern qal li Muscat talab li din l-inkjesta tiġi konkluża fi żmien disa’ xhur u tiġi ppubblikata fuq gwida tal-istess Kummissjoni. Intqal li l-Kummissjoni se tirregola lilha nnifisha. Il-Gvern qal li “ħa din id-deċiżjoni b’konsistenza mal-pożizzjoni ċara li dejjem kellu, iġifieri li ma hemm l-ebda diffikultà li tinħatar inkjesta pubblika ġaladarba jkun assigurat li din issir b’mod li ma timminax investigazzjonijiet u/jew proċeduri kriminali li hemm pendenti dwar dan l-omiċidju.”

Aqra: Assassinju Daphne: Il-Kunsill tal-Ewropa jikkritika l-inkjesta pubblika

Fid-diskors tiegħu tal-Ħadd ta’ wara li nħatret l-inkjesta pubblika, il-Prim Ministru Joseph Muscat qal li l-Gvern minn dejjem kien jaqbel li din issir. Dan id-diskors imur kontra l-pożizzjoni li kien ħa l-Prim Ministru nniffsu fl-2018 meta ma’ BBC Radio 4 qal li ma hemmx bżonn inkjesta oħra.