Assassinju Daphne: Il-każ tat-3 akkużati jissokta l-ġimgħa d-dieħla

Il-kumpilazzjoni tal-evidenza kontra t-tliet irġiel akkużati li qatlu lill-ġurnalista Daphne Caruana Galizia fl-2017 se tkompli fil-qorti l-ġimgħa d-dieħla, issa li l-Qorti se terġa’ tibda topera b’mod normali, la l-imxija tal-coronavirus f’Malta kkalmat kemxejn.

Il-kumpilazzjoni fil-konfront tal-aħwa George u Alfred Degiorgio, magħrufin bħala ċ-Ċiniż u l-Fulu, rispettivament, u Vince Muscat magħruf bħala l-Koħħu, se tkompli l-Ġimgħa 12 ta’ Ġunju fid-9.30am.

Huma jinsabu akkużati li qatlu lill-ġurnalista Daphne Caruana Galizia b’karozza bomba fis-16 t’Ottubru, 2017 qrib darha fil-Bidnija.

It-tliet irġiel għandhom jerġgħu jidhru quddiem il-Qorti tal-Maġistrati, għalkemm il-każ kien diġà wasal fil-Qorti Kriminali, fejn kienu qegħdin jinstemgħu l-motivi preliminari. Madankollu, il-każ kellu jmur lura għall-kumpilazzjoni tal-evidenza fil-Qorti tal-Maġistrati meta Melvin Theuma daħal fl-istorja u qal li hu kien is-sensar fl-assassinju. Theuma ngħata l-maħfra presidenzjali fi tmiem l-2019, bil-patt li jgħid kulma jaf.

Theuma xehed l-aħħar fil-każ fi Frar li għadda, qabel ma l-qorti għalqet f’Marzu minħabba l-imxija tal-coronavirus. Ix-xhieda ta’ Theuma kienet ġiet sospiża peress li kopji tar-rikordings li hu rrefera għalihom fix-xhieda tiegħu, rikordings li ħa hu stess ta’ konverżazzjonijiet dwar l-assassinju, ma kinux disponibbli, peress li kienu parti minn inkjesta maġisterjali oħra dwar allegat ħasil tal-flus minn Theuma.

Dawn ir-rikordings qegħdin jinstemgħu wkoll fil-kumpilazzjoni tax-xhieda fil-konfront tan-negozjant Yorgen Fenech, li hu akkużat b’kompliċità fl-assassinju.

F’Marzu li għadda, l-aħwa Degiorgio talbu li joħorġu mill-ħabs u jkollhom l-electronic tagging.

Intant, sorsi qalu lil Newsbook.com.mt li Vince Muscat il-Koħħu, it-tielet raġel akkużat bil-qtil, qatta’ l-aħħar xhur jitkellem mal-pulizija u jgħidilhom kulma jaf. Huwa talab il-maħfra presidenzjali aktar minn darba, u għadu ma rċeviex tweġiba dwar l-aħħar talba tiegħu.