Assassinju Daphne: Il-Gvern mhux se jippubblika l-ittri mal-Europol

Il-Ministru għall-Intern Michael Farrugia qal li “mhux prudenti li l-Gvern jippubblika korrispondenza mal-Europol”.
Fil-Parlament, il-Ministru kien mistoqsi mid-deputat Nazzjonalista Karol Aquilina biex jippubblika l-korrispondenza kollha li l-Pulizija jew il-Gvern kellhom mal-Europol.
Aquilina ppreċiża li hu kien qed jirreferi għall-korrispondenza wara l-ittra li ntbagħtet mill-eksDirettur Eżekuttiv tal-Europol Rob Wainwright lill-Membru Parlamentari Ewropew Ana Gomes.
Il-kontenut tal-ittra kien ġie ppubblikat mill-ġurnalisti ta’ The Daphne Project li fiha tgħid li l-investigazzjoni dwar l-assassinju tal-ġurnalista, qed tkun ta’ tħassib għall-Europol u li hemm lok ta’ titjib fil-koperazzjoni.
Dwar din l-ittra, il-Pulizija kienet ħarġet stqarrija li fiha attribwixxit il-kummenti ta’ Wainwright għall-koperazzjoni ma’ pajjiżi oħra u mhux bejn il-Korp tal-Pulizija Malti u l-Europol.