Assassinju Daphne: “Il-Gvern Malti m’għandux jiċċelebra l-passività internazzjonali”

Ulied il-ġurnalista assassinata Daphne Caruana Galizia, sostnew li l-Gvern Malti m’għandux jiċċelebra l-atti passivi tal-komunità internazzjonali fil-konfront tal-istess assassinju.
Dan qaluh b’risposta għat-tweet ta’ Kurt Farrugia, il-Kap tal-Komunikazzjoni tal-Gvern, fejn irreaġixxa b’mod pożittiv għar-risposta tal-Kumitat tal-Ministri fi ħdan il-Kunsill tal-Ewropa li qal li ma jarax għalfejn għandhom jittieħdu passi ulterjuri fil-każ tal-ġurnalista assassinata.
Fi stqarrija, Matthew, Andrew u Paul Caruana Galizia qalu li d-dinja tinsab ixxukjata b’dak li ġara lil ommhom, u għaldaqstant ħadd mhu se jerġa’ jħares lejn Malta bl-istess mod jekk bħala pajjiż mhux se jkun hemm sforz biex il-forzi kriminali li ħakmu l-istat jiġu konfrontati.
Sostnew li l-ewwel pass sabiex dan iseħħ huwa li wieħed jirrealizza li hawn problema kbira ta’ korruzzjoni u impunità, u li l-istituzzjonijiet tal-pajjiż ma jaħdmux b’mod indipendenti u għalhekk m’għandhomx il-kapaċità li jiġġieldu kontra l-istess ħażen.
Saħqu li risposta konservattiva għall-Membru Parlamentari minn grupp ta’ ambaxxaturi fi Strasburgu, mhix xi ħaġa li l-uffiċjali tal-Gvern għandhom jiċċelebraw. Huma sostnew dan għax jemmnu li f’Malta m’hawnx investigazzjonijiet ġudizzjarji u għaldaqstant ma jistax ikun hawn prosekuzzjoni ġudizzjarja.
Qalu wkoll li mhux qed isiru l-investigazzjonijiet dwar l-iskandli li kixfet Daphne Caruana Galizia, bl-eċċezzjoni tkun il-każ ta’ Egrant.
Għaldaqstant irrimarkaw li din in-nuqqas ta’ azzjoni min-naħa tal-Pulizija hija skandlu minnha nnifisha.