Assassinju Daphne: Il-Gvern jitlob lil Reporters Without Borders ikunu bbilanċjati

Il-Gvern enfasizza li l-allegazzjonijiet li saru lbiraħtlula mir-Reporters Without Borders (RSF) m’għandhom bażi ta’ xejn.
It-talba ewlenija tal-RSF kienet biex l-investigazzjoni dwar l-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia tkun waħda indipendenti, iżda għafsu fuq il-ħtieġa li tkun imparzjali.
Il-grupp qal li jinsab imħasseb dwar in-natura tal-investigazzjonijiet, u l-aktar meta rrefera għal dak li qalet il-familja Caruana Galizia, speċjalment għall-fatt li, skont il-familja, il-Pulizija aktar ħsiebha biex tinforma dirett lill-Prim Ministru dwar informazzjoni ġdida milli lill-familja, li qalet li saret taf bl-arresti tat-Tnejn minn tweet ta’ Muscat.
Talba simili saret ukoll mill-Federazzjoni Internazzjonali tal-Ġurnalisti, li wkoll ikkwotaw dak li qalet il-familja Caruana Galizia.
Il-Gvern qal fi stqarrija li dak li qalu l-RSF jagħti x’jifhem li l-investigazzjoni mhix indipendenti, mhix internazzjonali fil-livell tagħha, u aktar minn hekk timplika li l-Gvern qed jgħatti lil xi nies imdaħħla fl-investigazzjoni.
Tenna li dan kollu mhuwiex minnu.
Semma l-organizzazzjonijiet internazzjonali li qed jaħdmu fil-każ, bħall-Europol u l-FBI, kif ukoll l-arrest u r-resqien quddiem il-Qorti tat-tlitt akkużati ewlenin.
Żied li l-fatt li l-Gvern sejjaħ konferenza tal-aħbarijiet biex iħabbar l-arresti jindika kemm qed jistinka biex isolvih.
“Kull azzjoni li qed tittieħed, qed tittieħed b’konformità mal-liġi u b’rispett lejn il-proċeduri kif ukoll lejn id-dritt li l-akkużati jkollhom min jiddefendihom”, tgħid l-istqarrija tal-Gvern.
Finalment, il-Gvern jitlob lil Reporters Without Borders biex jikkummenta dwar il-każ b’mod ibbilanċjat, u jirrispetta lill-awtoritajiet Maltin.