Assassinju Daphne: Il-Gvern jaħtar inkjesta pubblika

Arkivji

Il-Prim Ministru Joseph Muscat ħatar lill-Imħallef Emeritu Michael Mallia biex jippresedi Kummissjoni ta’ Inkjesta Pubblika dwar l-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.

Fi stqarrija maħruġa ftit qabel it-8 pm, il-Gvern qal li l-Kummissjoni se tkun magħmula wkoll mill-eks Dekan tal-Fakultà tal-Liġi u espert Kostituzzjonali l-Professur Ian Refalo u l-espert forensiku Dottor Anthony Abela Medici.

Il-Gvern qal li Muscat talab li din l-inkjesta tiġi konkluża fi żmien disa’ xhur u tiġi ppubblikata fuq gwida tal-istess Kummissjoni. Intqal li l-Kummissjoni se tirregola lilha nnifisha.

Il-Gvern qal li “ħa din id-deċiżjoni b’konsistenza mal-pożizzjoni ċara li dejjem kellu, iġifieri li ma hemm l-ebda diffikultà li tinħatar inkjesta pubblika ġaladarba jkun assigurat li din issir b’mod li ma timminax investigazzjonijiet u/jew proċeduri kriminali li hemm pendenti dwar dan l-omiċidju.”

Il-Gvern ippubblika t-termini tal-inkjesta li ħatar.

It-termini tal-inkjesta:

Biex tinvestiga u tirrapporta lill-Prim Ministru, wara r-Riżoluzzjoni tal-Kamra tad Deputati tat-12 ta’ Dicembru 2018 u r-Riżoluzzjoni tal-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa tas-26 ta’ Ġunju 2019 (Riżoluzzjoni 2293(2019)), dwar il-mewt tas-Sinjura Daphne Caruana Galizia fis-16 ta’ Ottubru 2017 u dwar l-avvenimenti li ppreċedew, li kienu konkomittanti ma’, u li segwew dik il-mewt bil-għan illi:

  1. jiġi determinat jekk xi att jew ommissjoni illeċita minn jew fi ħdan xi entita tal-Istat iffaċilitatx il-mewt jew naqsitx milli zzomha milli sseħħ u b’ mod partikolari jekk xi entita tal-Istat kienitx taf jew kellhiex tkun taf b’ riskju reali u immedjat mill-aġir kriminali ta’ xi terza persuna għall-ħajja tas-Sinjura Daphne Caruana Galizia fiz-zmien in kwistjoni u naqset milli tieħu mizuri fi ħdan il-firxa tas-setgħat tagħha li, b’ ġudizzju raġjonevoli, kien mistenni minnha li tieħu biex tevita dak ir-riskju;
  2. tistabbilixxi jekk l-Istat kellux u għandux fis-seħħ dispozizzjonijiet ta’ liġi kriminali effettivi u mezzi oħra prattiċi biex jevita li jiżviluppa de facto stat ta’ impunita’ bl-okkorrenza spissa ta’ atti kriminali li ma jiġux solvuti u biex ikun hemm deterrent għat-twettiq ta’ reati kriminal serji, bl-appoġġ ta’ makkinarju ta’ inforzar tal-liġi għall-prevenzjoni, s-soppressjoni, l-investigazzjoni u l-kastig tal-vjolazzjonijiet serji tal-liġi;
  3. tiddetermina jekk l-Istat wettaqx u jekk huwiex qiegħed iwettaq l-obbligu pożittiv li jieħu miżuri operazzjonali ta’ prevenzjoni biex jipproteġi lil dawk l-individwi li l-ħajja tagħhom tkun fir-riskju minn atti kriminali u dan b’ mod partikolari fil-kaz tal-ġurnalisti;
  4. Li l-Inkjesta titmexxa b’ mod illi ma timpedix u ma tikkompromettix xi investigazzjoni jew prosekuzzjoni kriminali jew l-integrita tagħha.
  5. L-Inkjesta għandha ssir fil-pubbliku izda l-Kummissjoni ta’ Inkjesta tista’, meta tikkunsidra li jkun hekk meħtieġ, tmexxi seduti partikolari fil-magħluq b’ mod illi tkun protetta l-kunfidenzjalita’ ta’ investigazzjonijiet u ta’ informazzjoni li tkun waslet taħt obbligu ta’ kunfidenzjalita’, kemm meta l-kunfidenzjalita’ ta’ dawk l-investigazzjonijiet jew informazzjoni tkun protetta bil-liġi kif ukoll meta l-Kummissjoni ta’ Inkjesta jidhrilha li s-smiegħ bil-magħluq ikun mod ieħor gustifikat.
  6. Il-Kummissjoni ta’ Inkjesta jkollha aċċess għall-informazzjoni kollha miżmuma minn entitajiet tal-Istat u għandha timxi skont l-Att dwar l-Inkjesti u għandha, soġġett għal dawn it-termini ta’ referenza, tirregola l-proċedura tagħha fuq il-ħwejjeġ kollha inklużi kwistjonijiet dwar l-aċċess tal-familja tal-mejta u mill-pubbliku għall-proċeduri u għall-atti tal-inkjesta.
  7. Il-Kummissjoni ta’ Inkjesta għandha, mingħajr preġudizzju għat-twettiq xieraq ta’ dawn it-termini ta’ referenza, tikkonkludi x-xogħol tagħha fi zmien disa’ xhur.

Il-Gvern qal li “fid-dawl tar-Riżoluzzjoni approvata mill-Kamra tad-Deputati nhar it-12 ta’ Dicembru, 2018 u tar-riżoluzzjoni tas-26 ta’ Ġunju, 2019 mill-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa, il-Gvern daħal f’diskussjonijiet tekniċi ma’ uffiċjali tal-Kunsill tal-Ewropa biex jiġi evitat li din l-inkjesta pubblika tipperikola l-integrità tal-investigazzjonijiet u/jew proċeduri kriminali li diġà jinsabu għaddejjin f’dan il-każ.”

Il-Gvern qal li “kellu, u għad għandu, riżervi kbar dwar il-metodoloġija użata u l-konklużjonijiet milħuqa fir-riżoluzzjoni msemmija tal-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa, iżda għandu l-ikbar rispett lejn il-Kunsill tal-Ewropa u l-ħidma magħmula fl-aħħar ġimgħat hija turija ċara tar-rispett reċiproku li hemm bejn pajjiżna u din l-istituzzjoni importanti.”

Il-Gvern ta wkoll dettalji ta’ dawk li se jkunu qed imexxu l-inkjesta:

Dr Michael Mallia serva bħala Imħallef fil-Qrati Superjuri mindu ħa l-ġurament tal-ħatra fid-29 ta’ Settembru 2009 sal-irtirar tiegħu bl-eta fit-30 ta’ Marzu 2015. F’dan il-perjodu, serva fil-Qrati Kriminali u ppreseda fuq diversi ġurijiet. Din il-kariga segwiet esperjenza vasta ta’ 23 sena bħala Maġistrat fil-Qrati Inferjuri, fejn serva wkoll bħala Maġistrat Anzjan.

Magħruf għall-integrità tiegħu, fl-2004 Dr Mallia kien nominat bħala President tat-Tribunal għall-Investigazzjoni tal-Inġustizzjoni, pożizzjoni li żamm sa’ Diċembru 2005, meta l-każijiet kollha pendenti quddiem it-Tribunal kienu deciżi. Bħalissa Dr Mallia huwa ċ-Chairperson tal-Kumitat tat-Taħrig għall-Ġudikanti.

Dr Ian Refalo huwa Professur tal-Liġi Pubblika u Dekan Emeritu tal-Fakultà tal-Liġi fl-Università ta’ Malta u jokkupa l-pożizzjoni ta’ Professur Ad Personam Jean Monnet fl-Università ta’ Malta. Huwa meqjus bħala awtorità fil-liġi amministrattiva u pubblika u ppratika bħala avukat għal iktar minn 40 sena. L-esperjenzi tiegħu varjaw f’diversi kampi, senjatament dawk tad-Drittijiet tal-Bniedem, tal-liġi ċivili, kummerċjali u amministrattiva, fejn aġixxa bħala avukat ewlieni f’każijiet ta’ importanza.

Ħadem bħala avukat quddiem il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja.

Dr Anthony Abela Medici serva bħala Direttur tal-Laboratorju tax-Xjenza Forensika fi ħdan il-Pulizija ta’ Malta bejn l-1981 u l-2010.

Dr Abela Medici kien, u għadu, jinħatar mill-Qrati Maltin bħala espert forensiku f’diversi oqsma ta’ studju.Huwa serva fil-Kumitat Ewropew għall-Prevenzjoni tat-Tortura u t-Trattament jew Kastig Inuman jew Degradanti li huwa kumitat ta’ esperti fi hdan il-Kunsill tal-Ewropa. Huwa wkoll membru tal-Isteering Committee Ewropew Reġjonali għar-Royal Society of Chemistry. Dr Abela Medici huwa preżentament il-Kummissarju għall-Organizzazzjonijiet Volontarji.