Assassinju Daphne: Il-Gvern injora l-offerta tal-Amerikani – PD

Miguela Xuereb

Read in English.

Il-Partit Demokratiku qal li l-Gvern Malti injora offerta tal-Istati Uniti għal iktar għajnuna fl-investigazzjoni tal-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.

Il-PD żied li għandu jkun investigat jekk in-negozjant li ssemma li b’xi mod kien involut f’dan il-qtil, ta xi donazzjoni lill-partiti politiċi jew kien involut f’xi prattiċi korrotti ta’ negozju mal-Gvern jew l-Oppożizzjoni. L-istqarrija tkompli li hemm possibbilità li għall-benefiċċju ta’ min kien il-moħħ ta’ dan id-delitt, l-investigazzjonijiet qed jiġu mtaffija biex tiġi mgħottija l-possibbiltà li l-partiti politiċi ewlenin ħadmu fil-qrib ma’ dan in-negozjant suspettat.

Il-PD staqsa lill-Prim Ministru jekk inbidilx xi ħaġa minn kliemu meta qal li se jsir dak kollu possibbli biex il-persuna li ordnat il-qtil tinqabad. Il-PD qal li l-Gvern għandu jara li m’għandu jkun hemm l-ebda dubju li qed isir minn kollox biex isseħħ ġustizzja biex min hu implikat direttament jew indirettament jitressaq quddiem il-Qorti.

L-istqarrija ttemm li l-Ambaxxata Amerikana taf x’inhi tagħmel meta għamlet din l-offerta pubblika u mhux waħda privata u probabbilment kien hemm offerti simili li ġew injorati mill-Gvern biex ma toħroġx il-verita kif ilu jiġri sa mill-ewwel ġurnata minn meta sseħħ il-qtil brutali ta’ sentejn ilu.