Assassinju Daphne: Il-Fulu jwaqqa’ l-kawża kontra l-FBI

Alfred Degiorgio magħruf bħala l-Fulu, wieħed mit-tliet irġiel akkużati bil-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia, waqqa’ l-kawża kostituzzjonali li kien fetaħ biex iwaqqaf aġenti tal-FBI milli jixhdu fil-kumpilazzjoni tax-xhieda dwar il-każ tal-omiċidju.

Il-każ waqa’ wara li l-avukat ta’ Degiorgio ssottometta nota dwar dan fil-Qorti. L-avukati mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali talbu biex l-informazzjoni ppreżentata fil-Qorti mill-operaturi tal-mobajls tibqa’ ssiġġillata fil-Qorti u li tkun aċċessibbli biss mill-avukati tal-partijiet konċernati u mill-awtoritajiet tal-Qorti.

F’Mejju, il-Qorti ntalbet tipposponi l-kumpilazzjoni tax-xhieda mill-esperti tal-FBI għax jista’ jkun li x-xhieda tagħhom tiġi nvalidata.

L-avukati ta’ Alfred Degiorgio, magħruf bħala “Il-Fulu”, kienu talbu li espert tal-qorti fil-qasam tal-IT u t-telefonija jitneħħa u ma jibqax iservi lill-Maġistrat fil-każ tal-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia. Ir-rikors kien spjega kif l-espert Martin Bajada kien ingħata sentenza ta’ ħabs minn Qorti fir-Renju Unit fl-1993 meta kien jaħdem mal-Air Malta. Ir-rikors ikkwota deċiżjoni tal-Qorti tal-Appell fl-2006 fejn jingħad li jekk ikun hemm dell ta’ dubju fuq l-integrità ta’ espert tal-Qorti, allura dan m’għandux jipparteċipa fil-proċess ġudizzjarju.