Assassinju Daphne: Il-familja ma tridx lil Silvio Valletta jinvestiga

Il-familja tal-ġurnalista assassinata Daphne Caruana Galizia ressqet rikors quddiem il-Qorti biex id-Deputat Kummissarju tal-Pulizija Silvio Valletta ma jibqax parti mill-investigazzjoni dwar l-assassinju tagħha.
Il-familja qed titlob ukoll li min se jitqabbad minflok Valletta għandu jirrevedi kull att u deċiżjoni li jkun ħa Valletta, bħala parti mill-istess investigazzjoni.
Fir-rikors, l-avukati Jason Azzopardi u Therese Comodini Cachia kitbu li d-Deputat Kummissarju huwa, skont id-definizzjoni tal-liġi, persuna esposta politikament (politically exposed person) minħabba li huwa miżżewweġ lill-Ministru għal Għawdex Justyne Caruana.
Ir-rikors jgħid ukoll li Silvio Valletta huwa membru tal-Bord  ta’ Tmexxija tal-Aġenzija tal-Gvern kontra l-Ħasil tal-Flus (FIAU).
Skont l-avukati tal-familja tal-ġurnalista, xogħolha kien jiffoka fuq persuni li huma esposti politikament kif ukoll fuq politiċi li huma fl-istess Kabinett ma’ mart id-Deputat Kummissarju.  Komplew jgħidu li Silvio Valletta u l-Ministru Justyne Caruana kienu wkoll spiss is-suġġett ta’ kitbiet ta’ Caruana Galizia.
Fir-rikors, l-avukati spjegaw kif Daphne Caruana Galizia kienet tikxef il-korruzzjoni, il-kriminalità, kunflitti ta’ interess, nuqqas ta’ ġudizzju etiku minn politiċi, persuni esposti politikament, u membri tal-Kabinett preżenti.
Ir-rikors jgħid li jekk Valletta jibqa’ parti mill-investigazzjoni, dan jammonta għall-ksur tad-dritt għal ħajja u ksur tad-dritt għal smigħ xieraq.
L-avukati kitbu li matul il-kors tal-proċeduri se jkunu qed juru kif l-involviment tad-Deputat Kummissarju fl-investigazzjoni jnaqqas mill-indipendenza u l-imparzjalità tagħha.