The Daphne Project: Il-Europol ‘imħassba’ dwar l-investigazzjoni

L-investigazzjoni mill-Pulizija Maltija dwar il-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia qed tkun ta’ tħassib għall-agenzija tas-sigurtà fl-Ewropa, il-Europol.
Dan qalu d-Direttur Eżekuttiv tal-Europol Rob Wainwright li f’ittra lill-Membru Parlamentari Ewropew Ana Gomes huwa qal li l-investigazzjoni hija “kumplessa ħafna u issa qed tinvolvi numru ta’ membri stati Ewropej”.
Din l-informazzjoni ħarġet minn The Daphne Project hekk kif irrappurtat mill-gazzetta Times of Malta.
Fl-ittra li Wainwright bagħat lill-Gomes, jgħid li l-kooperazzjoni mal-awtoritajiet Maltin mhix daqstant tajba u diplomatikament jgħid li “hemm fejn titjib”.
Qal ukoll li l-Europol m’għandix mezz kif tista’ tivverifika fejn waslu l-investigazzjonijiet minħabba li l-irwol tal-Europol hu dak li tassisti l-membri stati u "toffri sapport kontinwu".
Fi tweġibiet lill-ġurnalisti ta’ The Daphne Project, kelliem għall-Uffiċċju tal-Prim Ministru qal li Malta qed tikkopera mal-Europol “f’kull livell” u żied jgħid li hemm ir-rieda li Malta tagħmel “kwalunkwe titjib neċessarju” biex ittejjeb il-koperazzjoni.
Min-naħa tagħha, Ana Gomes, li hija wkoll il-kap tad-delegazzjoni tal-Parlament Ewropew li żaret Malta, qalet li l-ittra hija serjissima minħabba li skont Gomes, tikkonferma li l-Europol qed tkun involuta bil-limitazzjonijiet.
Din l-aħbar ġiet żvelata wkoll fuq għadd is-siti tal-aħbarijiet internazzjonali membri ta’ The Daphne Project, fosthom Reuters u fuq The Guardian.