Assassinju Daphne: Id-dinja stenniet biżżejjed – Omtzigt

Read in English.

Ir-rapporteur tal-Kunsill tal-Ewropa Pieter Omtzigt qal li d-dinja stenniet biżżejjed biex f’Malta ssir il-ġustizzja.

Fi stqarrija Omtzigt qal li hemm rabta bejn l-infurzar dgħajjef tal-liġijiet, l-impunità għall-korruzzjoni, u l-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.

Omtzigt laqa’ l-opinjoni tal-Kummissjoni Venezja dwar ir-riformi li qed jipproponi l-Gvern Malti però qajjem it-tħassib tiegħu dwar l-aħħar żviluppi li kien hemm b’rabta mal-Pulizija u mas-sistema ġudizzjarja kriminali.

Omtzigt qal li l-opinjoni l-ġdida hija aħbar li l-Gvern Malti jirrikonoxxi l-bżonn għal riforma fundamentali u li huwa lest li jiddjaloga mal-komunità internazzjonali.

Irrimarka li huwa tajjeb li l-Ombudsman, il-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika, u l-Awditur Ġenerali jistgħu jtellgħu każijiet ta’ korruzzjoni direttament għand l-Avukat Ġenerali u li jistgħu jappellaw kontra inazzjoni.

Ir-rapporteur qal li fuq kwistjonijiet oħra kruċjail għad fadal ħafna xi jsir. Tkellem dwar kif il-poteri tal-prim ministru jaf għadhom wisq estensivi u li hemm nuqqas ta’ kjarezza fuq persons of trust u positions of trust. Qal ukoll li xejn m’hu qed isir biex il-parlament jgħasses fuq l-affarijiet b’mod effettiv.