Aġġornata: Silvio Valletta ma jeskludix li jista’ jkun hemm PEP wara l-assassinju ta’ Daphne

Id-Deputat Kummissarju tal-Pulizija Silvio Valletta qal li ma jeskludix il-possibiltà li xi persuna esposta politikament (PEP) setgħet kienet il-moħħ wara l-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.
Dan qalu llum waqt li kien qed jixhed fil-Qorti hekk kif kompla jinstema’ r-rikors li ressqet il-familja Caruana Galizia biex Silvio Valletta ma jibqax parti mill-investigazzjoni dwar l-assassinju tagħha. Dan minħabba li temmen li hemm kunflitt ta’ interess, hekk kif martu hija l-Ministru għal Għawdex u għax għandu rwol fil-bord tal-FIAU.
Valletta qal li din mhix l-ewwel investigazzjoni tiegħu fejn jidħlu assassinji u jgħid li għalkemm il-ġurnalista assassinata kienet kitbet fuqu u fuq familtu, ma jfissirx li se jaffetwa l-investigazzjoni.
Saħaq li f’każijiet preċedenti li kien involut fl-investigazzjonijiet tagħhom, kien hemm drabi fejn kien mhedded b’ħajtu u għaldaqstant xorta investiga l-każijiet.
Valletta qal ukoll li l-ispetturi li qed imexxu l-investigazzjoni huma Keith Arnaud u Kurt Zahra. Żied jgħid li kien infurmat li Zahra ltaqa’ mal-armel tal-ġurnalista Peter Caruana Galizia sabiex jispjegalu l-evidenza.
Hu qal li ma jafx jekk ir-raġel ta’ Caruana Galizia staqsiex għal-laqgħa hu stess.
“Valletta huwa persuna politikament esposta” – Netwerk tas-Soċjetà Ċivili
In-Netwerk tas-Soċjetá Ċivili saħqet li d-Deputat Kummissarju m’għandux ikun involut fl-investigazzjoni tal-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia għax hu nnifsu huwa persuna politikament esposta.
Filwaqt li wrew l-appoġġ tagħhom għar-rikors li ressqet il-familja Caruana Galizia, fi stqarrija qalu li l-involviment ta’ Valletta qed iċaħħad lill-poplu Malti “miċ-ċertezza li l-investigazzjonijiet tal-Pulizija jseħħu b’oġġettività u l-imparzjalità meħtieġa.”
In-Netwerk saħaq li l-Korp tal-Pulizija għandu bosta uffiċjali għolja li jistgħu jagħmlu investigazzjonijiet ta’ omiċidji, u rrimarkaw li hemm bżonn li f’każijiet bħal dawn ikunu involuti biss uffiċjali li m’għandhomx kunflitt ta’ interess.