Assassinju Daphne: Iċ-Ċiniż jingħata traskrizzjoni tal-interrogazzjonijiet

Ian Noel Pace

Read in English.

Wieħed mit-tliet akkużati bl-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia ngħata t-traskrizzjoni tal-interrogazzjonijiet tal-Pulizija marbuta mal-istess investigazzjoni.

George Degiorgio, iċ-Ċiniż, ilu minn Awwissu li għadda jitlob it-traskrizzjonijiet tat-telefonati interċettati mill-Pulizija, u jgħid li minkejja li l-Pulizija jiftaħru dwarhom qatt ma ġew ippreżentati waqt il-kumpilazzjoni tax-xhieda. Hu mifhum li waqt l-interrogazzjonijiet il-Pulizija kienu semmgħulu partijiet mill-istess telefonati.

L-aħwa Degiorgio jitolbu li jiġu esebiti r-recordings tat-telefonati

L-Imħallef Toni Abela fetaħ l-envelopp issiġillat quddiem iż-żewġ partijiet. It-traskrizzjonijiet huma tal-interrogazzjonijiet u mhux tat-telefonati nfushom, kif mitlub minn Degiorgio. L-Imħallef għamilha ċara li d-dokumenti kienu aċċessibbli biss għall-partijiet involuti fil-każ.

Dan minħabba li fil-jiem li għaddew, fil-Qorti Kriminali nstema’ kif l-avukat tal-aħwa Degiorgio bagħat rapport tal-FBI dwar l-inkjesta tal-assassinju lil kumpanija Amerikana li m’għandha l-ebda rabtiet mal-każ.

Assassinju Daphne: Rapport tal-FBI jintbagħat lil kumpanija Amerikana

George Degiorgio fetaħ dan il-każ kostituzzjonali biex jikkontesta l-legalità tat-telefonati interċettati, wara li ma kien ġara xejn meta fetaħ protest ġudizzjarju fejn talab lill-Kummissarju tal-Pulizija u lill-Avukat Ġenerali biex jesebixxi r-recordings u t-traskrizzjonijiet tat-telefonati.

Iċ-Ċiniż flimkien ma’ ħuh Alfred il-Fulu, u Vincent Muscat il-Koħħu, jinsabu akkużati bl-assassinju tal-ġurnalista f’Ottubru 2017.

L-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia

Il-każ ikompli fit-22 ta’ Novembru.