​Assassinju Daphne: “Ħassru l-elezzjonijiet interni tal-PN” – Said

Il-Membru Parlamentari Nazzjonalista Chris Said għamel sejħa lill-partit tiegħu biex iħassar l-elezzjonijiet interni li huma skedati li jsiru nhar is-Sibt li ġej u s-Sibt ta’ wara. Dawn l-elezzjonijiet huma għal President tal-Kunsill Ġenerali u għall-membri ta’ l-Eżekuttiv tal-partit.
Ma jghamilx sens, qal Said,  li f' dawn il-ġranet, immedjatament wara l-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, “…l-1,500 membru tal-Kunsill Ġenerali se jiġu ibbumbardjati kontinwament b' telefonati, ittri, emails u sms's minn numru kbir ta' kontestanti. Il-Partit Nazzjonalista għandu jkun sensittiv biżejjed li f' din is-sitwazzjoni gravi li jinsab fiha pajjiżna u li qatt qabel ma esperjenzajna ma jkunx hu wkoll li jieħu l-attitudni ta' 'business as usual'” sostna Chris Said. Huwa kkritika ukoll lill-Prim Ministru talli f’dik li huwa ddeskriva bħala sitwazzjoni daqshekk gravi, il-Prim Ministru siefer “..biex jindirizza laqgħa dwar il-bejgħ tal-passaporti. Jew insensittivita grassa inkella marbut b' kuntratt biex jagħmel dan. Kull kif mhux aċċettabbli.”
L-elezzjonijiet huma skedati għas- Sibt 28 ta' Ottubru meta ssir il-votazzjoni bikrija u s-Sibt 4 ta' Novembru, għall-elezzjoni attwali.
Newsbook.com.mt talab reazzjoni mill-PN dwar din is-sejħa. Il-PN qal li l-elezzjonijiet li se jsiru fil-ġimgħat li ġejjin huma elezzjonijiet interni tal-Partit ippjanati skont kalendarju li jwassal sabiex sa l-aħħar tas-sena l-PN ikollu l-amministazzjoni kollha f'postha. Ma hemm l-ebda deċiżjoni tal-Partit li jwaqqaf dawn l-elezzjonijiet interni sabiex il-PN ikun f'pożizzjoni iżjed b'saħħitha biex jiġġieled għall-ġustizzja u l-libertà tal-espressjoni. Il-PN mhux se jaħrab mir-responsabbiltajiet tiegħu kif qed jagħmel il-Gvern ta' Joseph Muscat.