Assassinju Daphne: Ġurnalist Taljan jibża’ li l-każ jispiċċa fix-xejn

Il-ġurnalist Taljan Roberto Saviano jibża’ li l-każ tal-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia jispiċċa jintilef f’dik li sejjaħ bħala “l-impunità ta’ Malta.”
Saviano, li minħabba l-kitba tiegħu fuq il-mafja ilu għaxar snin jgħix bi protezzjoni 24 siegħa kuljum, tkellem waqt il-programm M di Michele Santoro fuq Rai 3, li l-ewwel parti tiegħu kienet iddedikata għal Daphne Caruana Galizia.
“Daphne Caruana Galizia kienet iżolata”
Roberto Saviano ta ħarsa lejn ix-xogħlijiet ta’ Caruana Galizia u saħaq kif meta bdiet taħdem fuq il-flus u l-poter hi spiċċat iżolata u akkużata li qed twaqqa’ isem pajjiżha.
Fost affarijiet oħra semma l-libelli fil-konfront tagħha, fosthom dak li fetaħ il-Ministru Chris Cardona u l-fatt li talab li jiġu ffriżati l-assi tal-ġurnalista, biex fi kliem Saviano, iwaqqafha milli tagħmel xogħolha.
“Riskju li ‘jmut” ukoll minn kien jaqra xogħolha”
Waqt li tkellem fuq is-sitwazzjoni f’Malta, irrefera għal dak li kien kiteb iben Daphne, Paul Caruana Galizia, meta qal li l-mewt ta’ ġurnalist joħloq ir-riskju li “jmutu” ukoll dawk li kienu jaqraw ix-xogħol tal-istess ġurnalist.
“Offshore: Sistema tal-mafja u l-kriminali”
Semma l-każijiet tal-Panama Papers u l-Paradise Papers li laqtu lil Malta direttament u qal li Daphne Caruana Galizia kienet fehmet li l-pajjiżi meqjusa tax havens huma postijiet fejn il-kapitaliżmu legali u dak kriminali jingħaqdu.
Spjega kif għalkemm l-użu tal-kumpaniji offshore mhux illegali, dawk li jużawhom ikunu qed igawdu minn segretezza bankarja, taxxi baxxi u ftit li xejn burokrazija.
“Il-kapitaliżmu legali tgħallem mill-kapitaliżmu kriminali kif jevadi t-taxxa u jdur mal-liġi,” saħaq Saviano waqt li kkritika wkoll kumpaniji kbar li minkejja li huma kapaċi jħallsu t-taxxa, jużaw is-sistema “tal-mafja u l-kriminali” u jagħżlu li jmorru offshore.
Kompla jispjega kif wara l-anonimità tal-kumpaniji offshore jista’ jkun hemm kulħadd, minn persuna li qed taħbi dak li daħlet b’mod ġust, politiċi korrotti li jkunu qed jirċievu tixħim u mafjużi li jaħslu l-flus.
“Daphne Caruana Galizia fehmet sewwa din is-sistema,” saħaq Saviano.
Fakkar ukoll fl-allegazzjonjiet li għamlet Daphne Caruana Galizia, meta qalet li mart il-Prim Ministru hija l-propjetarja tal-kumpanija Egrant fil-Panama u fiha rċeviet flus mill-familja tal-President tal-Ażerbajġan.
Saviano saħaq li għalkemm il-Prim Ministru ċaħad dawn l-akkużi, huwa xorta waħda kien kostrett isejjaħ elezzjoni sena qabel.
Aktar kmieni din il-ġimgħa, anke l-BBC iddedika dokumentarju ta’ 17-il minuta għax-xogħol li għamlet Daphne Caruana Galizia u s-sitwazzjoni f’Malta fejn anke ġie intervistat il-Prim Ministru Joseph Muscat.