Assassinju Daphne: “Għandhom jitħabbru d-dettalji dwar l-inkjesta indipendenti”

Monique Agius

Read in English.

Id-dettalji tal-inkjesta independenti dwar l-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia għandhom jitħabbru dalwaqt. Dan qalu l-Prim Ministru Joseph Muscat wara l-laqgħa tal-Kabinett lill-midja li kien hemm preżenti. Huwa sostna li għalkemm għandu r-riservi tiegħu fuq ir-rapporteur li ġie maħtur mill-Assemblea Parlamentari fil-Kunsill Ewropew, huwa għandu rispett għall-istituzzjoni.

Il-Kunsill tal-Ewropa kien approva riżoluzzjoni li fiha fost diversi rakkommandazzjonijiet li saru lil Malta, ntalbet tiftaħ inkjesta indipendenti dwar l-assassinju fi żmien tliet xhur. Baqa’ biss disat ijiem qabel id-data tal-iskadenza.

F’Lulju l-Ministru għall-Affarijiet Barranin Carmelo Abela qal li l-Gvern se jkun qed iżżomm maż-żmien li ngħata mill-Kunsill tal-Ewropa biex jibda l-inkjesta indipendenti. Huwa kien qal dan waqt avveniment fir-Renju Unit.

Il-familja Caruana Galizia ilha titlob li tibda inkjesta indipendenti dwar l-assassinju, u għamlet protest ġudizzjarju quddiem il-Prim’Awla tal-Qorti Kostituzzjonali.

Diversi għaqdiet lokali u internazzjonali talbu għall-inkjesta indipendenti dwar l-assassinju ta’ Caruana Galizia. Bl-MGRM, aditus Foundation, Integra Foundation, Critical Institute u l-Pjattaforma għall-Organizzazzjonijiet dwar id-Drittijiet tal-Bniedem jitolbu inkjesta indipendenti l-għada li seħħ l-assassinju.

Newsbook.com.mt bgħatt mistoqsijiet bil-miktub lill-Kap tal-Komunikazzjoni tal-Gvern wara li dan insista li l-mistoqsijiet jintbagħtu b’imejl.

Il-ġurnalista Caruana Galizia kienet assassinata fis-16 ta’ Ottubru 2017 ftit metri ‘l bogħod mid-darha. Tliet persuni kienu arrestati f’Diċembru tal-istess sena. F’Lulju l-avukat ġenerali ħareġ l-att tal-akkuża fil-konfront tal-aħwa Alfred u George Degiorgio, u Vince Muscat li huma akkużati bil-qtil tal-ġurnalista.