​Assassinju Daphne: Għada t-tielet tentattiv għall-kumpilazzjoni

Għada filgħodu, mistenni jsir tentattiv ieħor biex tibda tinstema’ l-kumpilazzjoni fil-każ tal-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia. 
Is-seduta mistennija tibda fl-10.30am.
Dan wara li l-Prim Imħallef Silvio Camilleri għażel lill-Maġistrat Claire Stafrace Zammit biex tisma’ l-kumpilazzjoni, li għażlu li ma jsegwuhiex il-Maġistrat Donatella Frendo Dimech u l-Maġistrat Charmaine Galea.
Dr Claire Stafrace Zammit kienet approvata bħala Maġistrat fl-2009.  Hija twieldet fl-1973 u ħadmet fl-oqsma tal-Liġi dwar il-Familja (Kriminali u Ċivili), Liġi Ċivili u fil-qasam tal-liġi dwar l-Ippjanar u l-Ambjent.
Il-Maġistrat Strafrace Zammit ġieli ssemmiet fil-blogg ta' Daphne?
Jidher li Dr Stafrace Zammit issemmiet darba waħda biss fil-blogg ta’ Caruana Galizia, f’Jannar tal-2012, meta għamlet biss referenza għal artiklu ppubblikat fit-Times, li kien jgħid li l-Maġistrat qalet li mhux se tittollera mġiba inaċċettabbli minn Franco Debono, li ċemplilha meta kienet qed tippresiedi seduta. 
Fl-4 ta’ Jannar jiskadi t-terminu allokat għall-kumpilazzjoni, li jfisser li l-akkużati jiġu lliberati, sakemm ma titlobx li jiġġedded iż-żmien il-President ta’ Malta.