​Assassinju Daphne: Ġej Malta Prosekutur kontra l-korruzzjoni

Il-Prosekutur kontra l-korruzzjoni Antonio Di Pietro se jindirizza dimostrazzjoni organizzata mis-Soċjetà Ċivili nhar il-Ħadd 3 ta’ Diċembru.
Is-Soċjetà Ċivili qalet li Di Pietro huwa magħruf għal Mani Pulite u fis-snin 90 kien kixef il-korruzzjoni u ‘tengentopoli’ fl-Italja. Huwa kien wassal għal bosta riformi fis-sistema politika.
Skont l-organizzaturi, id-dimostrazzjoni se tiġi indirizzata wkoll mill-kittieb Immanuel Mifsud, il-ġurnalista Caroline Muscat, l-attivista Miriam Galea, u l-ġurnalista investigattiva Taljana Marilu Mastrogiovanni.
L-attività se tibda fl-4pm fil-Belt Valletta.
Fi stqarrija, in-Netwerk tas-Soċjetà Ċivili reġgħet insistiet biex il-Gvern ineħħi lill-Kummissarju tal-Pulizija u lill-Avukat Ġenerali. Saħqet li qed tappoġġja t-talba tal-familja ta’ Daphne Caruana Galizia biex id-Deputat Kummissarju Silvio Valletta jitneħħa mill-investigazzjoni tal-qtil tal-ġurnalista.