Assassinju Daphne: Espert tal-Qorti jirrifjuta li jwieġeb

Martin Bajada, l-espert maħtur mill-Qorti biex jassisti fil-każ tal-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia, irrifjuta li jwieġeb il-mistoqsijiet dwar xogħlu fil-proċedimenti Kostituzzjonali ppreżentati minn Alfred Degiorgio, “il-Fulu,” wieħed mill-akkużati.

Degiorgio talab li jitneħħa Bajada mill-każ minħabba d-dubji fl-integrità tiegħu bħala xhud tal-qorti, ġejjin mill-involviment tiegħu f’każ kriminali fl-1993. Minkejja dan, Bajada xorta waħda huwa fdat minn membri tal-ġudikatura, li sikwit jistaqsu għall-pariri esperti tiegħu.

Huwa u jitkellem fil-Qorti quddiem l-Imħallef Silvio Meli dalgħodu, Bajada qal li hu marbut bil-liġi biex ma jiddiskutix l-inkjesta. Qal hekk ukoll meta wrewh xi dokumenti u staqsewh jagħrafhomx.

Kien hemm tgemgim ta’ diżapprovazzjoni min-naħa l-oħra tal-kamra meta l-Avukat William Cuschieri, li qed jidher f’isem l-akkużat Degiorgio, wera dokumenti meħuda mill-inkjesta kriminali, u staqsa lil Bajada dwarhom.

L-Imħallef wissa li jekk id-dokumenti li kienu ppreżentati fil-każ kriminali u li għandhom rekords telefoniċi privati tan-nies fl-inħawi tal-Bidnija f’dak il-ħin, kellhom jiġu ppubblikati wara li saru aċċessibbli mill-każ Kostituzzjonali, kien se jkollu jistaqsi lill-Kummissarju tal-Pulizija biex jieħu passi kontra l-Avukat, peress li l-ippubblikar tar-rekords f’inkjesta kriminali hu att kriminali fih innifsu. L-Avukatessa Victoria Buttigieg mill-uffiċċju tal-Avukat Ġenerali qablet mal-Imħallef, u talbet li d-dokumenti jitneħħew mill-każ.

Cuschieri pprova jirribatti billi jgħid li d-dokumenti kienu diġà aċċessibbli, u li l-Qorti setgħet tillimita l-aċċess lill-pubbliku, iżda l-Imħallef ma qabilx miegħu, u tkaża bin-nuqqas ta’ rispett fil-Qorti. “Qed tagħmel ħsara lill-ġustizzja. Qed tumilja s-servizzi tal-ġustizzja Maltin,” wissieh l-Imħallef.

Is-seduta kompliet b’numru ta’ battibekki dwar jekk Bajada għandux ikun fdat jew le, b’każ wieħed biss jissemma li minnu ġie mitlub li jitneħħa Bajada.

Il-każ għandu jkompli jinstema’ f’Ottubru.