Qaluli kien ikun aħjar splodew lili wkoll – neputija ta’ Daphne

Miguela Xuereb

Mijiet ta’ persuni nġabru fil-Belt Valletta għal dimostrazzjoni sentejn wara l-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia. Għadd ta’ kelliema taw diskorsi fosthom neputija tal-ġurnalista li qalet li kien hemm min qalilha li jkun tajjeb jekk jisplodu lilha wkoll.

L-ewwel kelliem huwa s-Sindku ta’ Palermo Leoluca Orlando li qal li dawk li ordnaw l-assassinju se jħallsu għal dak li għamlu. Qal li n-nies kollha jkollom bżonn il-ġustizzja.

Beppe Galea

Assassinaw Maltija bħalna – Norman Vella

“Bħal-lum sentejn assassinaw lil Daphne: assassinaw waħda minna, Maltija bħalna,” qal Norman Vella lejn il-bidu tad-diskors tiegħu.

“Il-verità hi li min ħallas għall-isplużjoni li qatlet lil Daphne, nafuh u nafuh sewwa. Għad m’għandniex ismu u kunjomu, iżda nafu li għandu biżżejjed flus maħmuġin biex seta’ jħallas għal dan l-assassinju feroċi. Nafu li għandu ħafna x’jaħbi, u li lest jagħmel minn kollox biex ħadd ma jsir jaf is-sigrieti kriminali tiegħu. Nafu wkoll li l-moħħ wara l-isplużjoni li qatlet lil Daphne jħossu omnipotenti f’pajjiżna. Għandu ċ-ċertezza li l-awtoritajiet qatt mhu se jaslu għalih, qatt mhu se jaqbduh u qatt mhu se jservuh il-platt tal-ġustizzja.”

Vella, li kien it-tieni kelliem, qal li n-nies inġabru biex il-verità jgħiduha b’leħen wieħed – li l-istat Malti qed jonqoshom bil-kbir.

“L-istat Malti illum huwa maħtuf minn nies li l-prijorità tagħhom hi li dal-lejl stess, fid-dlam, jiġu hawn jikinsu kull xemgħa, kull fjura u kull ritratt ta’ Daphne li se nħallu warajna.”

Vella qal ukoll li huwa evidenti li dawk li jmexxu l-istat Malti għamluha l-missjoni tagħhom li lil Daphne jnessuha.

Qaluli kien ikun aħjar splodew lili wkoll – neputija ta’ Daphne

Waħda min-neputijiet ta’ Daphne Caruana Galizia , Amy Mallia, qalet li meta kienet l-iskola kien hemm min qalilha li kien ikun aħjar li kieku xi ħadd poġġa bomba taħt is-siġġu tagħha wkoll.

Id-dinja qed tara dak li qed jiġri f’Malta – rappreżentanti tal-RSF

Tkellmu wkoll żewġ rappreżentanti tal-għaqda RSF li qalu li d-dinja qed tara dak li qed jiġri f’Malta.

Ir-rappreżentanti qalu li qed jaraw il-qerda tal-mafkar ta’ Caruana Galizia ta’ kuljum u l-Prim Ministru Joseph Muscat li qed ikompli bil-kawżi ta’ libell tiegħu kontra l-familja ta’ Caruana Galizia.

Qalu li jisperaw li dan ikun l-aħħar anniversarju mill-assassinju li jgħaddi mingħajr ma tkun saret ġustizzja sħiħa ma’ Caruana Galizia.

Daphne nqatlet għax fittxet il-verità – Don Ciotti

Credit: Beppe Galea

Don Luigi Ciotti li huwa magħruf għall-ġlieda tiegħu kontra l-Mafja qal lil dawk miġburin li Daphne inqatlet għax kienet qed tfittex il-verità.

Don Ciotti qal li ma kinitx tħares banda oħra meta affaċċjat l-inġustizzja,

Qal li kienet konvinta li l-aċċess għall-informazjoni huwa wieħed mill-pilastri tad-demokrazija f’soċjetà li hija ħielsa u responsabbli, fejn il-verità u l-ġustizzja huma protetti u fejn id-dinjità ta’ kull persuna hija rikonoxxuta.

Spjega li Caruana Galizia kienet tiġġieled kontra t-tnaqqir tad-drittijiet permezz tal-kitba tagħha. Qal li din il-ġlieda poġġiet il-ħajja tagħha f’periklu, simili għal ġurnalisti oħra li qed jaħdmu għall-verità.

Don Ciotti saħaq li mhux biżżejjed li titfakkar Caruana Galizia. Qal li wieħed irid jagħmel impenn personali biex jibni dinja li hija aktar umana u ġusta, fejn id-demokrazija mhix kelma li tintuża’ biex tgħatti l-interessi maħmuġa.

Waqt id-diskors tiegħu, qal li huwa diżgustanti kif wieħed jista’ jirreferi għall-assasinju bħala femiċidju, b’referenza għall-kummenti ta’ Helena Dalli fi Brussell.

Nippretendu azzjoni meta jinkixfu l-iskandli – avukata

L-avukata Martina Farrugia qalet li Daphne Caruana Galizia nqatlet bl-aktar mod salvaġġ u li sentejn wara l-moħħ wara l-assassinju għadu ma nstabx.

“Nippretendu li meta ġurnalista tikteb fuq skandlu wara skandlu li jikkonċernaw uffiċjali pubbliċi, azzjoni ħarxa tittieħed kontra dawn l-uffiċjali biex l-abbuż jittaffa u n-nies jitgħallmu li dan mhuwiex aċċettabli.”

“Nippretendu li meta xi ħadd jażżarda jhedded ġurnalista, jipprova jaħarqilhom darhom, joqtlilhom il-klieb, jinqabad u jsir eżempju minnu.”

“Nippretendu li min jabuża mill-arma legali tal-libel sabiex jipprova jgiddeb ġurnalista li tkun kixfitlu l-borom – biex ma ngħidx kelma oħra iktar addatata – jitlef xogħlu mal-gvern. Għax inkella, x’jiġri eżatt? Mingħajr ebda azzjoni, minflok ;-Istat jipproteġi l-persuna, effettivament jkun qed jabbandunah, u jħalliha mdawra mill-għedewwa mingħajr dik il-protezzjoni li l-istess stat huwa obligat li jagħti.”

Farrugia appellat lin-nies iqumu fuq saqajhom. Spjegat li l-bidla mhix faċli u li ma ssirx waħedha, però qalet li l-apatija trid tinqata’.

Dawk li ġew esposti mill-Panama Papers għadhom fil-Gvern – Ana Gomes

L-eks MEP Ana Gomes qalet li dawk li ġew esposti mill-iskandlu tal-Panama Papers għadhom fil-Gvern – b’referenza għall-Ministru Konrad Mizzi u ċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru Keith Schembri.

Gomes akkużat lill-PM Joseph Muscat qed jostakola l-ġustizzja.

‘Meta ntilfet Daphne intilfet biċċa mill-libertà tal-midja’ – Tajani

Tajani qal li meta ntilfet il-ħajja ta’ Caruana Galizia, intilfet biċċa mil-libertà tal-midja.

Tajani, li ma setax ikun preżenti, qal dan f’messaġġ mibgħut f’filmat.

“F’karriera ta’ 30 sena u b’aktar minn 20,000 artiklu, Daphne interpretat bl-aħjar mod l-essenza tal-professjoni tagħna: it-tfittix għall-verità.”

Tajani qal li l-libertà tal-espressjoni huwa pilastru tad-demokrazija u tad-drittijiet umani. Spjega li l-Unjoni Ewropea ma tista tkun post perikoluż għal dawk li jiggarantixxu informazzjoni korretta liċ-ċittadini.

Fakkar kif l-investigazzjoni li qed issir dwar l-assassinju għadha ma żvelatx min ornda l-qtil.

“Irridu nafu min iddeċieda li joqtol lil Daphne Caruana Galizia,” saħaq Tajani. Qal ukoll li “l-eżempju li ħalliet Daphne se jispira lil ħafna bniet u subien biex ikunu fittiexa tal-verità bla għejja.”

Staqsa kif jistgħu l-Ewropej jitolbu pajjiżi oħra biex jagħtu garanzija dwar il-libertà tal-espressjoni jekk lanqas jistgħu jiddefenduha fl-istati membri tagħhom.

Il-ġlieda ta’ Daphne saret ġlieda Ewropea – President tal-NGO Repubblika

Il-President tal-għaqda Repubblika Vicki Ann Cremona qalet li għal dawk li kienu jaqrawha, Daphne Caruana Galizia kienet persuna li kellha l-kuraġġ toħroġ fil-beraħ il-ħama ta’ Malta.

Cremona qalet li huwa importanti li l-Maltin jingħaqdu flimkien fil-ġlieda tagħhom kontra l-korruzzjoni.