Assassinju Daphne: Diferit il-każ kostituzzjonali għax Silvio Valletta “ma jiflaħx”

Is-smigħ tar-rikors imressaq quddiem il-Qorti mill-familja tal-ġurnalista assassinata Daphne Caruana Galiziabiex id-Deputat Kummissarju tal-Pulizija Silvio Valletta ma jibqax parti mill-investigazzjoni dwar l-assassinju tagħha, kellu jiġi diferit dalgħodu, minħabba li Valletta ma deherx quddiem il-Qorti għax ma jiflaħx.
Hekk kif il-partijiet involuti kollha waslu fl-awla għas-smigħ tal-każ dalgħodu, l-avukat Victoria Buttigieg infurmat lill-Imħallef Silvio Meli li Valletta ma kienx preżenti għax kien ma jiflaħx.
Ladarba Valletta kien l-uniku persuna li kien mistenni jixhed, is-smigħ kellu jiġi diferit għal data oħra lejn l-aħħar ta’ dan ix-xahar.  
L-Imħallef Meli ilmenta li l-aġir ta’ Valletta wera “nuqqas ta’ rispett lejn is-sistema ġudizzjarja”, ladarba kien mistenni li jimla applikazzjoni biex jinforma lill-Qorti li hu marid qabel ma kellu jibda s-smigħ tar-rikors.
L-avukat Buttigieg imbagħad ġiet infurmata li ċertifikat mediku li juri li Valletta tassew kien marid irid jiġi ppreżentat lill-Qorti fis-seduta li jmiss.
Ir-rikors imressaq mill-familja Caruana Galizia jgħid li jekk Valletta jibqa’ parti mill-investigazzjoni, se jinkiser id-dritt għal smigħ xieraq u ġust.
Dan minħabba li l-familja tara kunflitt ta’ interess fl-involviment ta’ Valletta, ladarba kemm hu kif ukoll martu, il-Ministru għal Għawdex Justyne Caruana, mhux l-ewwel darba li kienu suġġett ta’ kitbiet tal-ġurnalista.
Għall-familja tal-ġurnalista assassinata qed jidhru Dr Jason Azzopardi, Dr Eve Borg Costanzi u Dr Therese Comodini Cachia, filwaqt li Silvio Valletta qed jiġi rrappreżentat minn Dr Victoria Buttigieg.