Assassinju Daphne: Delia jitlob minuta silenzju lill-PPE

Read in English.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia talab biex fil-bidu tas-Summit tal-Partit Popolari Ewropew tinżamm minuta silenzju biex jikkommemoraw lill-ġurnalista assassinata Daphne Caruana Galizia f’għeluq is-sentejn minn meta nqatlet. Dan l-istess bħalma kien talab is-sena li għaddiet propju fl-istess ġurnata f’għeluq l-ewwel sena mill-assassinju tal-ġurnalista Maltija.

AQRA: Il-PPE jfakkar lil Daphne b’minuta silenzju

Il-mexxejja Ewropej li jiffurmaw parti mill-Partit Popolari Ewropew (PPE) osservaw din il-minuta silenzju fil-bidu tal-laqgħat li qed isiru qabel is-summit Ewropew fi Brussell.

Is-Summit Ewropew għall-mexxejja tat-28 pajjiż membru tal-Unjoni Ewropea se jsir bejn illum u għada u mistenni jiġi diskuss il-ftehim li ntlaħaq bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju Unit dwar Brexit.

AQRA: L-UE u r-Renju Unit jilħqu ftehim

Fi stqarrija, il-Partit Nazzjonalista qal li Delia tkellem dwar dan is-suġġett u qal li huwa mument ta’ deċiżjoni. Saħaq li “ma nistgħux nibqgħu nġebbdu l-inċertezza u l-instabilità li minnhom qegħdin ibatu ċ-ċittadini u n-negozji Ewropej, inkluż dawk Maltin u Għawdxin”.

Adrian Delia rringrazzja lil President tal-Kumissjoni Ewropea Jean Claude Juncker kif ukoll lill-Kap negozjatur tal-Unjoni Ewropea għall-Brexit Michel Barnier tax-xogħol li għamlu matul dawn is-snin.