Assassinju Daphne: “Ċert li l-Prim Imħallef mhux se jippermetti li jeħel il-każ” – PM

Il-Prim Ministru Joseph Muscat qal li għandu fiduċja fil-Prim Imħallef u fl-amministrazzjoni tal-Ġustizzja li mhux se jippermettu li jeħel l-każ tal-ġurnalista assassinata Daphne Caruana Galizia.
Huwa qal dan meta kien qed iwieġeb mistoqsijiet tal-ġurnalisti wara li dalgħodu, it-tieni Maġistrat għażlet li tastjeni milli tisma’ l-kumpilazzjoni.
Il-Prim Ministru insista li jinsab konvint li l-amministrazzjoni tal-Ġustizzja qed tiżen l-affarjiet u se tieħu d-deċiżjonijiet li hemm bżonn.
Il-Prim Ministru qal li m’għandux għalfejn jappella lill-Prim Imħallef u l-amministrazzjoni tal-Ġustizzja biex id-deċiżjonijiet jittieħdu malajr, għax jemmen li se jkomplu jittieħdu malajr.
Kompla jgħid li mhux aċċettabbli li f’każ fejn il-Pulizija u l-Forzi tal-Ordni mxew b’ritmu mgħaġġel u tajjeb, il-każ “jirrokka fuq teknikalità u fuq kwistjoni proċedurali.”
Irrimarka li l-Prim Imħallef u l-amministrazzjoni qed iħarsu lejn dan kollu.
Minkejja dan saħaq li ma għandux għalfejn ikompli jikkummenta għax il-ħarsien tal-liġi (Saltna tad-Dritt) titlob li jkun hemm distinzjoni ċara bejn il-Ġustizzja u l-Eżekuttiv.