​Assassinju Daphne: Casa dubjuż dwar l-investigazzjoni

Il-Kap tad-Delegazzjoni Nazzjonalista fil-Parlament Ewropew David Casa staqsa kif tista’ tkun indipendenti l-investigazzjoni dwar l-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia, f’pajjiż li għandu l-istituzzjonijiet taħt kontroll politiku.
Fi stqarrija, Casa qal li flimkien mal-kollegi tiegħu mill-kumitati responsabbli għall-ħasil tal-flus u r-rispett għal-liġi, qed jitlob tweġiba mill-Prim Ministru Joseph Muscat dwar l-indipendenza tal-investigazzjoni fil-qtil tal-ġurnalista, kif ukoll każijiet ta’ korruzzjoni fl-ogħla livelli tal-politika.
Casa stqarr li għalkemm huwa ċar li l-pedamenti tad-demokrazija f’Malta kkollassaw, il-Kummissjoni Ewropea ma għamlet xejn.
Kompla jgħid li issa huwa fid-dmir tal-Parlament Ewropew biex jitkellem dwar is-sitwazzjoni “allarmanti f’Malta”.
Casa fakkar ukoll fl-ittra mibgħuta lill-President tal-Parlament Ewropew Antonio Tajani miċ-Ċerpersin tal-Grupp tal-Parit Popolari Ewropew Manfred Weber  biex il-Membri tal-Parlament Ewropew li ġew Malta bħala parti minn delegazzjoni biex tinvestiga r-rispett għal-liġi fil-pajjiż, jingħataw il-protezzjoni meħtieġa.