Assassinju Daphne: “Ċans ta’ rabtiet mal-Latvja” – il-familja tagħha

Daphne Caruana Galizia

Read in English.

Il-familja tal-ġurnalista assassinata Daphne Caruana Galizia qalet li hemm ċans li hemm rabta bejn il-qtil tagħha u l-investigazzjoni li kienet qed tagħmel fuq il-bank ABLV fil-Latvja, li allegatament kien qed jipprovdi spazju għal network ta’ ħasil tal-flus għal persuni esposti politikament f’Malta u fl-Ażerbajġan.

Dan qalitu fi stqarrija wara li fit-30 ta’ Mejju ssottomettiet rapport dwar tranżazzjonijiet suspettużi, twil 31 paġna, lill-uffiċju għall-Prevenzjoni tal-ħasil ta’ flus li jinġiebu minn attività kriminali fil-Latvja. Ir-rapport isemmi membri tan-network tal-ħasil tal-flus li Daphne Caruana Galizia kienet qed tinvestiga u li hu maħsub li kellhom konnessjoni mal-qtil tagħha.

L-istqarrija tgħid li Caruana Galizia tħalliet tiddokumenta waħedha l-kriminalitajiet dwar Pilatus Bank u l-ħabi ta’ dawn il-kriminalitajiet mill-Gvern Malti. Il-familja spjegat kif Martins Bunkus, avukat mil-Latvja li wkoll ħadem sabiex ABVL Bank jiġi likwidat involuntarjament, spiċċa maqtul wara attakk ippjanat, seba’ xhur biss ‘il bogħod mill-qtil ta’ Caruana Galizia. Qalu li l-assassinju tiegħu wkoll għadu mhux solvut.

Il-familja sostniet li minħabba li żewġ persuni li bdew jippruvaw jikxfu l-fatti tal-każ spiċċaw maqtula ftit inqas minn sena ‘l bogħod minn xulxin, u fiż-żewġ każijiet il-mandanti għadhom mhux magħrufa, huwa ċar li l-Ewropa qed tesperjenza emerġenza kriminali u korrotta u hemm ċans kbir li jkomplu jinqatlu aktar persuni minħabba dan.

Il-familja tenniet li hija kommessa li tikseb ġustizzja sħiħa għal Caruana Galizia u l-investigazzjonijiet tagħha. Qalet li temmen li l-unika mod kif tista’ titwaqqaf il-kriminalità hija permezz tal-kontabbiltà u l-użu ta’ awtoritajiet ġudizzjarji.