Assassinju Daphne: “Ċans li l-isplussiv inġieb minn Filfla” – espert forensiku

L-espert forensiku Anthony Abela Medici jemmen li jekk l-isplussiv użat fil-bomba li qatlet lil Daphne Caruana Galizia huwa TNT, mela aktarx l-isplussiv inġieb minn Filfla.
Minn ftit jiem wara l-assassinju tas-16 t’Ottubru li għadda, kien hemm diversi spekulazzjonijiet dwar x’materjal seta’ intuża għall-bomba li tweħħlet taħt is-sit tal-karozza tal-ġurnalista, u ż-żewġ sustanzi ewlenin imsemmija kienu s-Semtex u t-TNT.
Is-Semtex u t-TNT huma żewp tipi ta’ splussiv li jaqgħu taħt il-kategorija ta’ splussiv militari.
Dil-ġimgħa fil-kumpilazzjoni kontra t-tliet akkużati bil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, instema’ fil-Qorti li l-isplussiv huwa wieħed organiku. Newsbook.com.mt tkellem ma’ Abela Medici, li rrimarka li kull splussiv militari hu splussiv organiku.
Splussiv organiku jfisser li jkun magħmul minn 3 kimiċi naturali, il-karbonju, l-idroġenu u n-nitroġenu.
Abela Medici, li ħadem bħala espert forensiku għal 31 sena mal-Pulizija, qal li s-sustanza tat-TNT kienet tintuża ħafna mill-Ingliżi meta kienu għadhom bil-bażi navali f’Malta, meta kienu jipprattikaw fuq Filfla.
Kompla jgħid li fil-karriera tiegħu ltaqa’ ma’ bosta każijiet fejn it-TNT li ma ħax kien jispiċċa għand sajjieda li jbigħuh, illegalment, lil ħaddieħor li jkollu f’moħħu li jagħmel bomba lil xi ħadd.
Biex jiġġustifika dan semma l-1984, sena li rat 27 attentat b’bombi magħmula mit-TNT, fosthom għases tal-Pulizija, darbtejn mad-dar tal-arċipriet tal-Furjana, u anki ma’ dik tal-Arċisqof.
Abela Medici qal lil Newsbook.com.mt li f’ħafna minn dawn il-każijiet, traċċi tal-isplussivi kienu jinstabu fin-naħat ta’ Ħal Safi, il-Qrendi u l-Imqabba, kollha postijiet qrib iż-Żurrieq minn fejn jittellgħu, allegatament, wara li jinġiebu minn Filfa.
Dwar is-suġġett temm jgħid li huwa improbabbli li t-TNT sar mill-akkużati, minħabba li trid apparat u laboratorju biex toħloq is-sustanza, u allura dan isaħħaħ l-idea li t-TNT inġieb minn xi mkien, u mhux ġie mmanifatturat. 
Sadanittant, ara hawn, kif ukoll hawn u hawn għal dak li ġara fil-Qorti dil-ġimgħa.