Aġġornata(2): Assassinju Daphne: “Ir-rapport approvat ta’ Omzigt żbilanċjat” – Il-Gvern

PACE

Il-Gvern Malti rreaġixxa għar-rapport li llum ġie approvat mill-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa (PACE) dwar l-assassinju tal-ġurnalista Maltija Daphne Caruana Galizia u r-rispett lejn il-liġijiet f’Malta. Pieter Omtzigt huwa r-rapporteur speċjali ta’ PACE dwar dan il-każ. Il-Gvern sostna li r-rapport huwa mimli ineżattezzi u għandu aġenda żbilanċjata li ma tħarisx lejn il-verità tas-sitwazzjoni.

Ir-rapport dwar l-assassinju tal-ġurnalista investigattiva ikkonkluda li jekk Malta mhux se tkun qed taħdem biex tirranġa fejn hi l-aktar dgħajfa, l-istituzzjonijiet Ewropej iridu jintervjenu.

“Jekk Malta mhux se taħdem fuq fejn hi dgħajfa, l-Ewropa trid tintervjeni” – KE

Skont Euronews, il-laqgħa dwar ir-rapport qed tkompli wara bibien magħluqa hekk kif Malta qed tipprova tagħmel emendi għar-rapport biex ma jkunx daqshekk aħrax. Ġurnalist ta’ Euronews qal li l-laqgħa damet aktar milli kien mistenni.

Ir-rapport jgħid li l-pulizija fallew bosta drabi milli jinvestigaw persuni bħal Ministru għat-Turiżmu Konrad Mizzi u ċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru Keith Schembri. It-tnejn li huma kienu suġġetti għall-investigazzjonijiet tal-ġurnalista assassinata Daphne Caruana Galizia. Ir-rapport innota li bosta individwi qed igawdu minn impunità u jinsabu taħt il-protezzjoni personali tal-Prim Ministru.

Newsbook.com.mt jinsab infurmat li ma ġew approvati l-ebda emendi għar-rapport. Dibattitu dwar ir-rapport mistenni jsir fi Strasburgu fis-26 ta’ Ġunju.

Tista’ taqra kopja sħiħa tar-rapport minn hawn:

Pieter Omtzigt inħatar mill-Kumitat PACE dwar il-Liġi u d-Drittijiet Umani biex jipprepara r-rapport. Hu kien qal li huwa importanti li min ordna l-qtil tal-ġurnalista jingħata l-kastig li ħaqqu.

“Il-Gvern jirrispetta l-liġijiet tal-Kunsill tal-Ewropa” – Il-Gvern

Fi stqarrija b’reazzjoni għall-aħbar tar-rapport approvat, il-Gvern sostna li l-Gvern u l-Membri Parlamentari tiegħu jirrispettaw ir-regoli tal-Kunsill tal-Ewropa fuq il-kunfidenzjalita tal-proċessi u l-laqgħat. Tenna li minkejja dan, il-Kunsill tal-Ewropa stess ma jimxix mal-prinċipji tiegħu stess hekk kif iddeċieda li joħroġ l-abbozz tar-rapport qabel ma dan ġie ffinalizzat u jgħaddih lill-media.

Tenna li minħabba li r-rapport ġie sfurzat isir ta’ malajr u għaldaqstant hemm informazzjoni li mhix eżatta u li ma tagħtix stampa ċara tas-sitwazzjoni f’Malta.

X’intqal fil-midja soċjali?

My comments to Euronews now in Paris after the adoption of the devastating Report, unprecedented in its harshness, against Malta’s corrupt government.

Posted by Jason Azzopardi on Wednesday, May 29, 2019

NGOs internazzjonali jitolbu s-sapport

Tmien NGOs internazzjonali kitbu ittra qabel id-dibattitu tal-lum. European Centre for Press and Media Freedom, Reporters Without Borders, ARTICLE19, European Federation of Journalists, IFEX, International Press Institute, PEN International uTransparency International qalu li qed isegwu mill-qrib il-proċess u x-xogħol li qed jagħmel Pieter Omtzigt.

Huma ddeskrivew l-attentati sabiex ix-xogħol ta’ Omtzigt jiġi skreditat bħala effett serju sabiex l-attenzjoni ddur fuq is-sustanza tar-rapport. Intant, l-NGOs ħeġġew lill-MPs Maltin sabiex jaġixxu skont l-obbligazzjonijiet tal-Konvenzjoni Ewropea għad-Drittijiet tal-Bniedem. Huma ħeġġew lill-MPs sabiex jissapportjaw il-mandat u r-rapport ta’ Omtzigt, filwaqt li jippromwovu li r-rakkomandazzjonijiet jiġu implementati mingħajr dewmien.