Assassinju Daphne: Aktar ħajjiet jinsabu f’riskju – avukati

Arkivji

L-avukati tal-familja tal-ġurnalista assassinata Daphne Caruana Galizia qalu li sakemm issir investigazzjoni dwar jekk l-assassinju ta’ Caruana Galizia setax jiġi evitat, aktar ħajjiet jinsabu f’riskju.

Fi stqarrija, id-ditta legali Doughty Street Chambers ikkwotat l-avukat tal-familja f’Londra Tony Murphy (Bhatt Murphy) li qal li hija kundanna għar-rispett lejn il-liġijiet f’Malta li l-ebda investigazzjoni ħarset lejn jekk l-assassinju tal-ġurnalista setax jiġi evitat. Murphy qal li sakemm din il-mistoqsija tiġi investigata b’mod indipendenti aktar ħajjiet jibqgħu f’riskju. Żied jgħid li l-familja Caruana Galizia tibqa’ wkoll mingħajr ġustizzja. Fi kliem Murphy, f’inkjesta pubblika, il-Prim Ministru Joseph Muscat m’għandu għalfejn jibża’ minn xejn ħlief il-verità.

Din l-istqarrija ħarġet wara li l-avukati tal-familja ta’ Daphne Caruana Galizia ppreżentaw ittra ġudizzjarja fejn fiha insistew li l-Istat għandu jieħu l-passi neċessarji sabiex ikun hemm inkjesta pubblika dwar jekk ittiħdux il-passi neċessarji sabiex jiġi evitat il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.

Wieħed mit-tfal ta’ Daphne Caruana Galizia, Paul Caruana Galizia qal li din kienet it-tieni darba li l-familja tiegħu kellha taġixxi kontra n-nuqqas tal-awtoritajiet Maltin milli jsegwu l-Konvenzjoni Ewropea għad-Drittijiet Umani rigward l-investigazzzjoni dwar jekk il-qtil ta’ ommu setax jiġi mxekkel. Żied jgħid li l-ebda familja li tkun tilfet lil xi ħadd m’għandha għalfejn titla’ l-qorti biex tinstab il-verità b’rabta mal-mewt inkwistjoni.

L-avukati tal-familja Caruana Galizia fakkru li l-familja ilha titlob għal inkjesta pubblika mit-8 ta’ Awwissu 2018. Il-familja tat l-aħħar ċans lill-awtoritajiet biex jaġixxu fit-30 ta’ Novembru 2018.

Illum, f’sessjoni ta’ kumitat tal-Kunsill tal-Ewropa l-Avukat Ġenerali Peter Grech spjega x’kien ix-xogħol tiegħu bħala l-avukat tal-Gvern u l-pożizzjoni fl-inkjesti maġisterjali. Grech qal li minkejja l-arresti ta’ tliet persuni, ma setax jeskludi li jkun hemm aktar arresti. Irrefera għax-xewqa tal-familja tal-ġurnalista għal inkjesta pubblika. Qal li n-neċessità ta’ din kienet diskutibbli però ma setax jiġi eskluż. Qal li dak li huwa neċessarju bħalissa huwa biex jinstab jekk inkjesta pubblika hix se ttellef l-investigazzjonijiet li qed isiru bħalissa.