Assassinju Daphne: Akkużat jitlob li titneħħa l-Imħallef minħabba x-xhieda tal-FBI

L-avukat ta’ Alfred Degiorgio, wieħed mit-tliet irġiel akkużati bil-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia, talab għar-rikuża tal-Imħallef li ma aċċettatx it-talba tiegħu biex l-uffiċjali tal-FBI ma jixhdux fil-kumpilazzjoni tax-xhieda.
Fis-sentenza tagħha, il-Qorti kienet qalet li t-talba kienet waħda "fiergħa u vessatorja". Qalet ukoll li kienet waħda mġebbda u nieqsa mis-serjetà.
L-avukat ta’ Degiorgio qed jgħid li l-Imħallef marret f’estrem bil-kummenti tagħha. Qal li l-kummenti tagħha jfissru li m’għandhiex tkompli tisma’ l-kawża.
L-avukati ta’ Alfred Degiorgio, magħruf bħala “Il-Fulu”, kienu talbu biex l-espert tal-qorti fil-qasam tal-IT u t-telefonija jitneħħa u ma jibqax iservi lill-Maġistrat fil-każ tal-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.
L-espert Martin Bajada kien instab ħati f’każ ta’ frodi fir-Renju Unit fid-disgħinijiet.
L-avukat ta’ Degiorgio qal li l-FBI ma messhiex taħdem ma’ Bajada fuq il-każ tal-assassinju.
Fl-aħħar seduta tal-kumpilazzjoni tax-xhieda,  l-avukat ta’ Degiorgio reġa’ talab biex l-uffiċjali tal-FBI ma jixhdux. Il-Maġistrat ma aċċettatx it-taba.
It-tliet akkużati fil-każ tal-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia huma Alfred Degiorgio magħruf bħala "il-Fulu", ħuh George Degiorgio "ċ-Ċiniż" u Vince Muscat "il-Koħħu".