Assassinju Daphne: 2 akkużati jgħidu li r-rapport tal-Ewropa qed jindaħal fil-Qorti

Tnejn mit-tliet persuni akkużati li qatlu lill-ġurnalista Daphne Caruana Galizia resqu protest ġudizzjarju fil-Qorti li fih allegaw li Rapport tal-Kunsill tal-Ewropa dwar Malta li ġie leaked jinjora l-preżunzjoni tal-innoċenza tagħhom peress li jgħid li kienu huma li poġġew il-bomba fil-karozza tal-ġurnalista. Ilmentaw ukoll li r-rapport qed jindaħal fil-Qorti.

L-avukat tal-aħwa Alfred u George Degiorgio, William Cuschieri, appella lil Avukat Ġenerali biex jipprevjeni din l-“interferenza” minn terzi.

Skont il-protest, il-midja kkwotat lir-rapport li qal li t-tliet persuni akkużati bil-qtil ta’ Caruana Galizia kienu dawk li poġġew il-bomba fil-karozza tagħha. Ir-rapport qal li proċess fil-Qorti jinsab għaddej imma jekk dan ma jimxix għal stadju aktar avvanzat jista’ jkun li dawn jinħelsu.

“Jekk Malta mhux se taħdem fuq fejn hi dgħajfa, l-Ewropa trid tintervjeni” – KE

Id-difiża qalet li dan imur kontra l-preżunzjoni tal-innoċenza u li dan jammonta għal indħil fil-ġudikatura li għandha tkun indipendenti.

Il-protest ġudizzjarju jitlob lill-Avukat Ġenerali biex jieħu azzjoni immedjata biex ma jkunx hemm aktar interferenza minn terzi.