Assassinju Daphne: 1 mill-akkużati jilmenta dwar it-trattament fil-ħabs

Ian Noel Pace

George Degiorgio, wieħed mit-tlett irġiel akkużati li qatlu lill-ġurnalista Daphne Caruana Galizia, issottometta ittra ġudizzjarja kontra d-Direttur tal-ħabs u allega li huwa vittma ta’ trattament inuman u degredanti.

L-avukat ta’ Degiorgio qal li l-klijent tiegħu ilu x-xhur ibati minn uġigħ kbir fi spalltu. F’Novembru, id-Direttur kien qal fil-Qorti li se jkun qed jagħmel appuntament fi klinik privat għall-akkużat. Dan tal-aħħar kien mistenni li jħallas l-ispejjeż involuti.

L-avukat ta’ Degiorgio qal li l-unika passi li ttieħdu kienu li l-akkużat ingħata painkillers li servew biss biex jgħattu ftit l-uġigħ temporanjament. Qal li dan ma jikkonformax mal-livell ta’ kura li Degiorgio għandu bżonn. L-avukat argumenta li d-direttur kien qed ikun passiv f’dan ir-rigward u li allura dan jammonta għal trattament inuman u degredanti.