Assassinju DCG: Is-surġent investigat sospiż minn xogħlu

Il-Korp issospenda lis-Surġent Ramon Mifsud, li lbieraħ feraħ li Daphne Caruana Galizia nqatlet, u sejħilha “demel”.
Il-Pulizija qalu lil Newsbook.com.mt li s-sospiża seħħet għal għanijiet prekawzjonarji skont ir-regoli tal-Kummissjoni dwar is-Servizz Pubbliku, u dan sakemm il-Bord tad-Dixxiplina jisma’ l-proċeduri dixxiplinarji fil-konfront tieghu.

Lura fl-2012, il-ġurnalista kienet kitbet dwar dan is-surġent, u allegat li t-tfajla tiegħu kienet Olandiża li tiżfen fin-nightclubs.
Newsbook.com.mt tkellem mal-Ispettur Sandro Camilleri, President tal-Unjin tal-Uffiċjali tal-Pulizija (POU), u filwaqt li kkundanna dawn il-kummenti ta’ Mifsud, fakkar li dak iż-żmien tal-allegazzjonijiet ta’ Caruana Galizia s-surġent kien affaċċja investigazzjonijiet.
Żied jgħid li hu kien jaf lis-sieħba ta' Mifsud, u mhux vera kif allegat Caruana Galizia.
L-Ispettur irrimarka li dawn l-allegazzjonijiet għadhom pubbliċi fil-blogg ta’ Caruana Galizia.
Fl-istess ħin rrimarka li hu sew li l-Pulizija tinvestiga lis-surġent, għax skontu dil-pożizzjoni missha tagħmlu aktar konxju ta’ dak li jgħid, aktar u aktar meta l-każ huwa wieħed ta’ qtil brutali.
Sadanittant, għall-mistoqsija ta’ Newsbook.com.mt lill-Pulizija, dawn wieġbu li s-sezzjoni tal-Internal Affairs investigat dan l-aġir, u ħadet il-pass neċessarju.
"Kummenti li jmorru kontra n-natura tax-xogħol pulizjesk" – MPA
L-Assoċjazzjoni tal-Pulizija ta' Malta qalet li tiddiżassoċja ruħha mill-kummenti ta' Mifsud, u żiedet tgħid li dawn it-tip ta' kummenti jmorru direttament kontra d-dover tal-pulizija li jiġġieled lill-kriminalità.
Ritratt: Arkivji