Assassinju Daphne: “Qatluha minħabba x-xogħol investigattiv tagħha” – Omtzigt

Pieter Omtzigt li tqabbad mill-Kunsill tal-Ewropa biex jirrapporta dwar l-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia qal li huwa qed jimxi fuq tliet ipotesijiet fosthom illi dawk illi ikkummissjonaw l-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia għamlu hekk minħabba x-xogħol investigattiv tagħha. Omtzigt qal ukoll illi ż-żewġ ipotesijiet l-oħra li qed jimxi fuqhom huma illi l-assassinju kien ippjanat u premeditat żmien qabel. Barra minn hekk qal li t-tliet persuni arrestati x’aktarx li kienu qed isegwu struzzjonijiet.

F’memorandum illi sar pubbliku l-bieraħ Omtzigt qal li l-assassinju jqajjem ħafna kwistjonijiet dwar kemm hija rispettata l-liġi f’Malta, il-progress fl-investigazzjonijiet u u l-attitudni u l-imġieba ta’ diversi uffiċjali pubbliċi għoljin.

Il-bieraħ tħabbar ukoll illi l-membru parlamentari Olandiż kien awtorizzat mill-Kumitat għall-Affarijiet Legali tal-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa biex jirċieivi informazzjoni minn sorsi anonimi u biex jipproteġi l-identità ta’ dawk li jipprovdu l-informazzjoni.