Asia Bibi tixtieq tgħix fl-Ewropa

Asia Bibi, il-mara Pakistana nisranija li damet 10 snin f’ħabs qrib Lahore, tistenna li tkun esegwita l-kundanna għall-mewt. (Credit: AP Photo.)

Asia Bibi, il-mara Pakistana nisranija li aktar kmieni din is-sena inħelset wara għaxar snin tistenna li tingħata s-sentenza tal-mewt fuq akkużi konnessi mad-dagħa, għall-ewwel darba tkellmet wara l-ħelsien tagħha biex tesprimi l-gratitudni tagħha lil dawk li ħadmu biex inħelset filwaqt li uriet id-dispjaċir tagħha għal dawk li għadhom f’ħabsijiet fil-Pakistan fuq akkużi simili għal tagħha.

“Ħajti kollha sofriet”, uliedi sofrew u dan kellu impatt kbir fuq ħajti”, qalet Bibi f’intervista mal-ġurnal “The Telegraph”.

Għall-mewt dwar tazza ilma

Fl-2010, Asia Bibi li dak iż-żmien kienet taħdem f’razzett, kienet kundannata għall-mewt wara li kienet akkużata b’dagħa fi kwestjoni dwar tazza ilma li kellha ma’ mara oħra fil-villaġġ fejn kienet tgħix.

Żewġ politiċi Pakistani, fosthom l-uniku membru nisrani tal-Kabinett, inqatlu għax appoġġjaw pubblikament lil din il-mara u kkritikaw il-liġi dwar id-dagħa.

“Kultant kont diżappuntata u bdejt naqta’ qalbi. Kont nitħasseb jekk għadx noħroġ libera mill-ħabs, x’ se jiġri minni, jekk hux se nibqa’ l-ħabs ħajti kollha. Meta uliedi kienu iġu jarawni l-ħabs, qatt ma bkejt quddiemhom, iżda meta jitilqu kont ninfaqa’ nibki bid-dispjaċir kbir li jaħkimni. Il-ħin kollu kont naħseb fihom u kif qed jgħixu mingħajr ommhom”, qalet Asia.

Dwar il-każ ta’ Asia Bibi kien tkellem ukoll il-Papa Franġisku u diversi organiżazzjonijiet insara oħra minn madwar id-dinja

Protesti vjolenti

F’Ottubru li għadda, il-Qorti Suprema tal-Pakistan kienet bidlet il-kundanna ta’ Asia Bibi u din id-deċiżjoni wasslet għal protesti vjolenti u sejħa biex jinqatlu l-imħallfin li kienu ddeċidew l-appell.

Hi għaddiet diversi xhur tgħix taħt protezzjoni filwaqt li kienu għaddejjin negozjati biex hi u l-familja tagħha tinstabilhom dar ġdida.  Uliedha fil-fatt, telqu lejn il-Kanada fil-bidu ta’ din is-sena u hi ngħaqdet magħhom f’Mejju wara li telqet bil-moħbi mill-Pakistan.

Il-ħelsien ta’ Asia Bibi kien assigurat wara medjazzjoni mill-Unjoni Ewropea mmexxija minn Jan Figel, politiku Slovakk. Figel qal lit-“Telegraph” li kellu taħditiet fi Brussels ma’ Anwar Khan, l-Avukat Ġenerali tal-Pakistan u mal-Ministru għad-Drittijiet Umani Shireen Mazari dwar il-każ.

Wara li nħelset mill-ħabs iżda qabel ma telqet mill-pajjiż, hi u żewġha kienu miżmuma f’post sigur proprjetà tal-Gvern. Filwaqt li f’dan il-post kellhom televiżjoni u smartphone, ma setgħux joħorġu barra.

77 oħra l-ħabs dwar dagħa

Bibi qalet li qed tittama li tista’ tmur f’xi pajjiż Ewropew fix-xhur li ġejjin.  Fl-intervista hi rringrazzjat il-Qorti Suprema tal-Pakistan li lliberatha imma qalet li għad fadal numru ta’ persuni  li qed jistennew li jkollhom process ġust.

“Nixtieq li d-dinja kollha tkun attentat għal din il-kwestjoni. Il-mod kif kull persuna tkun akkużata b’dagħa bla ma ssir ebda investigazzjoni kif suppost u bla ebda provi, irridu narawha. Il-liġi dwar id-dagħa għandha tkun riveduta u għandu jkun hemm mekkaniżmi veri ta’ investigazzjoni serji fejn tidħol din il-liġi. Ma nistgħux inqisu li kulħadd midneb skont din il-liġi, bla ebda prova.”

Skont id-Dipartiment tal-Istat Amerikan bħalissa hemm 77 persuna miżmuma l-ħabs fil-Pakistan, b’konnessjoni mal-liġi tad-dagħa, li ħafna minnhom huma Musulmani. Dan apparti li numru akbar akkużati b’dagħa anqas biss jaslu l-ħabs għax jinqatlu mħaġġra mill-marmalja.