Asia Bibi telqet mill-Pakistan biex tingħaqad mal-familja fil-Kanada

Asia Bibi - illum mara ħielsa imma kellha titlaq minn pajjiżha biex tgħix mal-familja

Asia Bibi, il-mara Kattolika Pakistana li ilha tmien snin miżmuma l-ħabs tistenna li tkun esegwita s-sentenza ta’ mewt kontriha, liema sentenza inbidlet fl-appell fejn hi kienet liberata mill-akkużi kollha kontriha, issa telqet mill-Pakistan lejn il-Kanada biex tingħaqad mal-bqija tal-familja tagħha.

Saif Ul Malook, l-avukat difensur tagħha qal lill-aġenzija tal-aħbarijiet Reuters li staqsa dwarha lil min hu responsabbli u ngħata din ir-risposta.  Il-Gvern tal-Pakistan ma qalx x’kienet id-destinazzjoni tagħha u anqas qal meta telqet mill-pajjiż.

Iżda żewġ stazzjonijiet televiżivi fil-pajjiż ikkwotaw sorsi infurmati jgħidu li Asia Bibi telqet mill-pajjiż.

Kundannata għall-mewt

Asia kienet arrestata f’Ġunju tal-2009 u sena wara kienet kundannata għall-mewt. Iżda fil-31 ta’ Ottubru li għadda l-Qorti Suprema Pakistana ddikjara innoċenti u ordnat il-ħelsien tagħha. Din is-sentenza kienet appellata mill-Islamiċi imma fid-29 ta’ Jannar li għadda, dan l-appell kien miċħud.

Il-liġi Pakistana dwar id-dagħa hi kwestjoni sensittiva ħafna li hu predominantement Musulman u l-każ ta’ Bibi qajjem kontroversja kbira fil-pajjiz u minħabba f’hekk il-pajjiż kien kritikat ħafna anke fil-qasam internazzjonali.

Il-Gvernatur tal-Punjab, Salman Taseer u l-Ministru għall-Minoranzi, Shahbaz Bhatti, it-tnejn li huma Kattoliċi, inqatlu fl-2011 wara li ddefendew lil Asia Bibi u tkellmu kontra l-piena tal-mewt u l-użu żbaljat tal-Liġi dwar id-Dagħa.

Sofriet ħafna u fit-tul

Ħu l-Ministru Bhatti laqa’ bil-ferħa l-aħbar li Asia Bibi telqet mill-Pakistan u ddeskrivina bħala “aħbar kbira”. Paul Bhatti, li hu tabib u jgħix fl-Italja qal lill-aġenzija Vatican News li din il-mara Kattolika sofriet ħafna għal żmien twil u kien ikun ħażin ħafna li kieku ma nħelsitx. Hu qal li ħafna nies bagħtew minħabba l-imsemmija liġi, fosthom ħuh. Is-sentenza tal-Qorti tal-Appell bagħtet messaġġ tajjeb u ħafna jħossu li din kienet pass pożittiv li jipprova li l-Pakistan mhux pajjiż tal-estremisti imma pajjiż li jemmen fid-drittijiet umani bażiċi.

Il-każ ta’ Asia Bibi qajjem interess kbir fil-Kanada, speċjalment fost il-minoritajiet, inkluż Musulmani.  Il-Gvernatur tal-Punjab li f’April li għadda kien qed iżur il-Kanada wera d-diżappunt tiegħu li ma saritx ġustizzja fil-każ ta’ Asia Bibi għal żmien twil u l-pajjiż safa vittma tal-fanatiżmu u l-estremiżmu.

Il-Prim Imħallef li ħeles lil Asia Bibi li wkoll kien fil-Kanada riċentement qal li hu ma jibżax jagħmel ġustizzja avolja jinsab mhedded mill-estremisti.