Asia Bibi mħassba dwar il-futur ta’ uliedha

Asia Bibi tgħix fil-moħbi u mħassba dwar il-futur ta' uliedha

“Qed nibżgħu. F’dawn l-aħħar jiem xi nies sparaw fuq ix-xatba tad-dar fejn noqgħodu. Kontinwament qed inkunu mhedda u għal aktar minn darba kien hemm min qed isegwina.”

Din hi s-sitwazzjoni drammatika li qed jgħixu fiha ulied Asia Bibi. Dan qalu Joseph Madeem, li qed jieħu ħsieb il-familja ta’ din il-mara kattolika li kienet qed tinżamma il-ħabs dwar dagħha għal dawn l-aħħar xhur u riċentement inħelset. Bl-omm il-ħabs u missierhom kważi illitterat, Nadeem għen lill-familja fid-diskussjonijiet mal-avukati u akkumpanja lit-tifla ż-żgħira, Eisham u lil missierha fi vjaġġi barra l-pajjiż fejn marru jagtħu xhieda ta’ dak li għaddejjin minnu.

Issa anke Nadeem Joseph u l-familja tiegħu jinsabu fil-periklu u qed jgħixu flimkien ma’ ulied Asia Bibi.

“Malli Asia Bibi kienet liberata mill-Qorti tal-Appell, kellna naħarbu. Asia u żewġha qegħdin f’post sigur protetti mill-Gvern iżda aħna ma stajniex noqgħodu magħhom”, qal Nadeem. Minn dakinhar, il-familja tiegħu u ż-żewġ tfal bniet ta’ Asia, kellhom jibdlu d-dar fejn joqgħodu għal erba’ darbiet. “L-Islamiċi qed jiġru warajhom u fejn inxommu l-periklu naħarbu. Anqas nistgħu mmorru nixtru x’nieklu.  Jien noħroġ biss bil-lejl u b’wiċċi mgħotti.”

Asia taf b’din is-sitwazzjoni diffiċli. “Tkellimt magħha bit-telefon kważi kuljum minn mindu nħelset u kuljum turini li hi mħassba dwar uliedha”, qal Nadeem.  Uliedha Esha u Eisham għadhom ma ltaqgħux magħha, imma kultant ikellmuha bit-telefon.

“Qatt ma ninsa l-ewwel telefonata li għamlulha. Wara damu siegħat jibku bil-ferħ. Asia ma tiflaħx tistenna aktar biex tiltaqa’ magħhom u qed tittama li dalwaqt tkun tista’ titlaq mill-pajjiż ma’ żewġha u uliedha”.

“Minkejja dak li għaddejja minnu Asia Bibi għandha tama kbira u forza straordinarja. Din hi mara tal-għaġeb! Il-fidi tagħha għadha soda u għandha tama kbira f’Alla.  F’dawn iż-żminijiet diffiċli hija hi li tgħinna. Tistedinna biex ma naqtgħux qalbna u tgħid li mqabbel ma dak li għaddiet minnu s’issa, dan hu mument żgħir li jgħaddi wkoll”, qal Nadeem.

Ulied Asia huma konxji minn kemm il-każ ta’ ommhom qajjem interess madwar id-dinja. “L-attenzjonii u s-solidarjetà internazzjonali jagħtu konfort. Eisham kienet ferm emezzjonata meta rat il-messaġġ tagħha fuq il-video muri f’Venezja meta kienet imdawwla bl-aħmar. Aħna grati lejn dawk kollha li jerfgħu leħinhom biex jikkundannaw is-sitwazzjoni li qegħdin fiha.”

“Qed nittamaw li ma ndumux ma nkunu nistgħu nitilqu mill-Pakistan biex immorru ngħixu f’post sigur. L-Assoċjazzjoni Kattolika Aid to Church in Need kienet l-ewwel li offritilna ospitalità. Nittamaw li ż-żewġ familji tagħna nkunu nistgħu ngħaddu dan il-Milied f’Ruma”, temm jgħid Nadeem.