Artisti tal-West End fost il-kast għad-debutt Malti ta’ We Will Rock You

Read in English.

Ġie mħabbar li żewġ artisti tal-West End – Katie Paine u Jordan Carr – se jkunu protagonisti fil-musical We Will Rock You, li se jittella’ fuq il-palk ta’ Dar il-Mediterran għall-Konferenzi f’Ottubru li ġej.

FM Theatre se tipproduċi dan l-ispettaklu ċelebri wara s-suċċess li kellha bir-rappreżentazzjonijiet riċenti – fi swali ppakkjati – ta’ My Fair Lady u Mamma Mia! Din hija l-ewwel darba li We Will Rock You se jkun qed jittella’ f’Malta, u l-kumpanija teatrali kuntenta immens li rnexxielha takkwista d-drittijiet ferm imfittxija għal dan l-ispettaklu.

We Will Rock You huwa bbażat fuq l-ikbar suċċessi tal-grupp rock leġġendarju Ingliż, Queen, bil kitba ta l-awtur ta’ Blackadder, Ben Elton, u huwa wieħed mill-iktar musicals popolari u li ilu jittella’ fl-istorja tal-West End. Huwa spettaklu li saħħar l-udjenzi tad-dinja minn madwar sitt kontinenti b’bosta kanzunetti ikoniċi tal-grupp, fosthom Radio Gaga, Somebody to Love, Bohemian Rhapsody u – ma jistax jonqos – We Will Rock You.

“Eċitati ħafna li aħna l-ewwel kumpanija f’Malta li akkwistat id-drittijiet għal dan l-ispettaklu inkredibbli, u ninsabu fuq ix-xwiek biex nippreżentawh lill-pubbliku fuq il-palk,” qal il-produttur Edward Mercieca. “Kull darba li jittella’ We Will Rock You, ikun fejn ikun, dejjem jifqa’ s-swali biċ-ċapċip, b’artisti inkredibbli jinterpretaw il-kanzunetti ta’ wieħed mill-gruppi tar-rock immortali u ikoniċi fuq livell mondjali. Issa jmiss lill-udjenzi Maltin biex igawdu dan ix-show spettakolari, u aħna wkoll se jkollna kast brillanti li jħabbatha ma’ kull wieħed ieħor fid-dinja.”

Id-debutt Malti ta’ We Will Rock You se jkun mogħni b’talent tal-West End mill-aqwa kif ukoll numru ta’ artisti lokali rinomati. Katie Paine se taħdem il-parti tal-Killer Queen, il-karattru l-kattiv f’dan ix-xogħol. Hija se ġġib fuq il-palk Malti l-esperjenza tagħha bħala s-sostituta ewlenija fil-produzzjoni tal-West End fit-teatru The Dominion bejn l-2011 u l-2014. Tul dan iż-żmien ħadmet f’dan l-irwol għal aktar minn 300 darba.

Intant, lanqas Jordan Carr mhu wiċċ ġdid għall-palk tal-West End. Ivvjaġġa mad-dinja kollha jieħu sehem f’musicals f’varjeta’ ta’ rwoli, fosthom Frank ‘N’ Furter f’The Rocky Horror Picture Show u Gaston f’Beauty and the Beast. Barra minn hekk, dan l-aħħar Jordan għadu kif temm jinterpreta l-parti prinċipali f’Boogie Nights The Musical f’Londra, u issa qed iħejji biex jingħaqad mal-kast ta’ Malta ta’ We Will Rock You fil-parti ta’ Galileo Figaro.

Dan il-kast bit-timbru tal-West End se jippreżenta l-istorja famuża tal-musical popolari, li hija ambjentata fil-futur imbiegħed fejn id-Dinja jisimha Planet Mall, l-abitanti kollha jridu jilbsu, jaħsbu u jġibu ruħhom bl-istess mod, u l-istrumenti mużikali huma pprojbiti. F’qafas iffurmat mill-kanzunetti klassiċi tal-Queen, grupp żgħar ta’ Bohemjani jirribellaw kontra s-sistema, u jiġġieldu biex jiksbu lura l-ħsieb ħieles, il-moda, u fuq kollox, il-mużika.

L-ispettaklu se jitmexxa mid-direttur ewlieni Chris Gatt, flimkien mad-direttur mużikali Kris Spiteri, il-koreografu Warren Bonello u l-għalliema tal-vuċi Analise Cassar. Il-kast stellari ta’ din il-produzzjoni se jinkludi wkoll l-artisti lokali rinomati Edward Mercieca, Francesco Nicodemo, Michela Agius, Tezara Saliba u David Ellul.

We Will Rock You hija produzzjoni ta’ FM Theatre Productions, b’rappreżentazzjonijiet li se jsiru f’Dar il-Mediterran għall-Konferenzi, il-Belt Valletta, fit-18 ta’ Ottubru fit-8pm, 19 ta’ Ottubru fis-2.30pm u fit-8pm, u fl-20 ta’ Ottubru fis-2.30pm u fit-8pm. Iktar informazzjoni tinstab fis-sit www.fmtheatre.com u l-biljetti jistgħu jinkisbu online fuq www.mcc.com.mt.